Fl-okkażjoni tas-sebgħin sena minn meta l-mara Maltija akkwistat il-vot u f’ġieħ l-ewwel president mara Agatha Barbara, l-Uffiċċju tal-President organizza serata mużiko-letterarja fil-Palazz ta’ Sant’ Anton.
Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li din is-sena Agatha Barbara għalqet 62 sena minn meta nħatret l-ewwel darba ministru, 70 sena minn meta ġiet eletta bħala l-ewwel mara fil-Parlament Malti, u 35 sena minn meta nħatret l-ewwel mara president.
Il-President semmiet li Agatha Barbara għamlet riformi kbar fl-edukazzjoni – daħħlet l-edukazzjoni obbligatorja sa sittax-il sena u kienet il-fundatriċi tal-welfare state f’pajjiżna bl-ammont ta’ benefiċċji soċjali li daħħlet bħala Ministru tax-Xogħol, Servizzi Soċjali u Kultura, fosthom il-pensjoni tad-due terzi.
Aspett ieħor li ftit hu magħruf dwar is-Sinjorina Barbara hu kif għamlet popolari l-kultura f’pajjiżna bil-ftuħ ta’ bosta mużewijiet – tal-Arkeoloġija, tal-Istorja Nazzjonali, tal-Arti, tal-Folklor u tal-Iskola Politika, u bil-ftuħ tal-Iskola tal-Mużika u tad-Drama.
Waqt din is-serata, li għaliha attendew il-qraba ta’ Agatha Barbara, is-sala tal-mużika fil-Palazz ta’ Sant’ Anton ġiet uffiċjalment imsemmija għal Agatha Barbara – sabiex jibqa’ jiġi mfakkar il-legat li s-Sinjorina Barbara ħalliet warajha.