Is-Sur Edgar Preca iżur għadd ta’ studenti f’diversi skejjel f’Għawdex

Ir-raġel tal-President ta’ Malta, is-Sur Edgar Preca, dalgħodu kompla biż-żjarat fl-iskejjel f’Malta u f’Għawdex, bil-għan li jiltaqa’ ma’ diversi studenti u jwassal il-messaġġ dwar il-Malta Community Chest Fund u l-bżonn li jinġabru l-fondi għal min hu fil-bżonn.  Dalgħodu bħala parti mill-BOV Piggy Bank Campaign, is-Sur Preca żar l-iskola primarja tal-Qala f’Għawdex u l-Konservatorju tal-Isqof fir-Rabat Għawdex.

 
Waqt li żar l-istudenti tal-Qala, is-Sur Edgar Preca esprima sodisfazzjon għall-mod kif laqgħuh l-istudenti ta’ din l-iskola.  Is-Sur Preca spjega lit-tfal ix-xogħol tal-Malta Community Chest Fund, dak li verament twieżen lil persuni, u familji li jkunu għaddejjin minn perjodu diffiċli.  Is-Sur Preca spjega kif kull erba’ ġimgħat il-Malta Community Chest Fund toħroġ madwar 230,000 ewro, li 200,000 ewro minnhom imorru għal persuni, fosthom tfal li sfortunatament ikunu għaddejjin minn sitwazzjoni ta’ mard diffiċli. Is-Sur Preca ħeġġeġ lit-tfal biex dejjem jiftakru f’persuni li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli u li l-ġesti ta’ mħabba lejn min hu fil-bżonn huma l-isbaħ ġesti għaliex fid-dijna kulħadd huwa bżonn xulxin. 
 
Wara li żar l-iskola primarja tal-Qala, is-Sur Preca żar l-istudenti tal-Konservatorju tal-Isqof fir-Rabat Għawdex, fejn hemhekk ukoll fakkar lill-istudenti li l-valuri tal-imħabba u s-solidarjetà huma l-isbaħ valuri. Semma eżempji ta’ tfal li qed jiġu bżonn il-Malta Community Chest Fund minħabba sitwazzjonijiet diffiċli ta’ mard, u li għalhekk kulħadd anki t-tfal u anki jekk bi ftit flus, mill-karus tagħhom jistgħu jgħinu persuni li huma fil-bżonn. 
 
Waqt dawn iż-żjarat fl-iskejjel b’rabta mal-BOV Piggy Bank Campaign, is-Sur Preca qed jieħu opportunità li jisma’ dak li għandhom xi jgħidu t-tfal, u fl-istess ħin iwassal messaġġi ta’ solidarjetà u mħabba l-iktar lejn persuni li huma fil-bżonn, kif ukoll messaġġi dwar ir-rispett li għandu jkun hemm bejn il-persuni.