Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, dalgħodu, varat l-irkant tal-Arti b’risq il-Malta Community Chest Fund. Il-President irringrazzjat lill-artisti li b’ġest nobbli offrew l-opriet artistiċi tagħhom biex jinbiegħu bi rkant b’risq il-Malta Community Chest Fund. Din is-sena b’kollox ġew offruti 85 opra artistika mill-artisti, arti mill-isbaħ u ta’ kwalità għolja ħafna.
Waqt li varat din l-attività l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca faħħret lill-artisti li mill-kapaċitajiet artistiċi tagħhom qed juru ġest nobbli ta’ solidarjetà. Spjegat li llum il-Malta Community Chest Fund qed jonfoq madwar 230 elf ewro fix-xahar, li madwar 200 elf ewro minnhom qed jingħataw lil persuni li kawża ta’ mard ta’ kanċer għandhom bżonn kimoterapija speċjalizzata. Minħabba din ir-realtà, il-President spjegat li l-unika triq hija dik li l-Maltin u l-Għawdxin ikunu magħqudin għal kawża tant ġusta u għalhekk faħħret lill-artisti li mill-ġdid reġgħu offrew l-opri artistiċi tagħhom biex jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Chairman tal-kumitat tal-irkant tal-arti, Josef Camilleri rringrazzja lill-84 artist Malti u ta’ nazzjonalità barranija li grazzi għalihom din l-attività ta’ rkant tal-arti għandha 85 biċċa ta’ arti fosthom ukoll arti biċ-ċeramika.
Is-sur Camilleri spjega kif mil-lum qed issir esibizzjoni ta’ din l-arti kontemporanja fil-Palazz Presidenzjali l-Belt Valletta, liema esibizzjoni se tibqa’ miftuħa sad-19 ta’ Novembru. L-attività ta’ rkant se ssir fil-Palazz ta’ San Anton, fis-6.30pm fil-21 ta’ Novembru.
Din is-sena, l-irkant tal-Arti li se jsir fil-21 ta’ Novembru se jkun miftuħ għall-pubbliku ġenerali, iżda huwa importanti li wieħed jibbukkja post. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 79004308/99451221/79438975, jew jibgħat email fuq [email protected]