Għall-ewwel darba, se jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku
Il-proġett ta’ restawr fil-Forti ta’ Sant’Iermu, il-Belt Valletta, jinsab kważi lest u dak li fis-snin mgħoddija kien bini fi stat ta’ telqa, fil-ġimgħat li ġejjin, għall-ewwel darba fl-istorja, se jibda jitgawda mill-pubbliku.
Dalgħodu, il-President Marie Louise Coleiro Preca żaret dan il-ġojjell storiku, li huwa wieħed mill-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern biex iwettaq il-programm ta’ riġenerazzjoni tal-Belt Valletta.
Il-President Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-professjonisti u lill-ħaddiema li kien permezz tal-ħiliet tagħhom li sar xogħol ta’ restawr tal-aqwa livell. Il-President ħeġġet lill-poplu Malti u Għawdxi biex meta dan il-bini storiku jinfetaħ, jikkonkorri biex japprezza l-ġmiel storiku ta’ pajjiżna fosthom il-veduti impressjonanti tal-Port il-Kbir tal-Belt Valletta. Il-President qalet li Forti Sant’Iermu jidwi l-passat storiku ta’ pajjiżna, fejn illum il-preżenza ta’ Malta hija dik ta’ stabbiltà u l-paċi, b’poplu rispettat mill-pajjiżi ġirien tiegħu.
Il-President faħħret ix-xogħol siewi tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastuttura, u dak tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, li ssorveljat dan ix-xogħol.
Il-President ngħatat donazzjonijiet miġbura mill-GHRC fejn irringrazzjat dan il-ġest nobbli b’risq il-Malta Community Chest Fund, u fakkret kif dan il-Fond għandu bżonn jissaħħaħ minħabba li d-domanda għall-għajnuna żdiedet ħafna, kawża ta’ żieda ta’ mard serju. Qalet li minkejja li żdied il-mard, il-kura żdiedet ukoll iżda li dan jiġi bi prezz u li għalhekk il-bżonn ta’ tisħiħ ta’ solidarjetà biex il-Malta Community Chest Fund tibqa’ tissaħħaħ.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li Sant’Iermu, li fis-snin li għaddew, kien fiċ-ċentru ta’ ħafna battalji li sawru l-istorja ta’ pajjiżna, sa ftit żmien ilu kien miżbla u tal-mistħija li t-turisti jgħaddu minn hawn fuq u jaraw l-istat ta’ telqa li kien jinsab fiha. Iżda, matul dawn l-aħħar xhur, dan is-sit qed jinbidel f’ġojjel storiku mill-isbaħ.
Ix-xogħol li sar se jkun qed ibiddel il-post f’esperjenza ħajja tal-militar f’Malta, għax minbarra x-xogħol ta’ restawr li sar fih, li nkluda wkoll ir-restawr tal-kappella ta’ Sant’Anna, is-sit se jkun qed jinkorpora mużew tal-militar u se jkun hemm ukoll passaġġ minn fejn il-pubbliku jista’ jimxi madwar is-sur biex aktar japprezza dan il-ġojjell ta’ pajjiżna.
Fl-intervent tiegħu, iċ-chairman tal-GHRC Dr Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett, li jiswa 15.3 miljun ewro, 85% minnhom ko-finanzjati mill-UE, apparti li jilħaq il-milja tar-riġenerazzjoni ta’ din in-naħa tal-Belt Valletta, se jingħata lill-pubbliku. Huwa fisser li dak huwa l-ispirtu li dejjem għandu jkun hemm f’proġetti ta’ riġenerazzjoni.