Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ngħatat donazzjoni b’valur ta’ 30,000 Ewro minn Burmarrad Commercials f’għeluq it-tletin anniversarju tal-kumpanija. Id-Direttur Maniġerjali u Kap Eżekuttiv ta’ Burmarrad Commercials, is-Sur Mario Gauci, ta lill-President ta’ Malta tlett vetturi fosthom vann speċjalizzat biex jittrasporta persuni b’diżabiltà.
Il-President ta’ Malta qalet li ma kellhiex kliem biżżejjed biex tirringrazzja lil Burmarrad Commercials għad-donazzjoni ġeneruża tagħhom, li permezz tagħha se tkompli tissaħħaħ il-ħidma tal-Uffiċċju tal-Presidenza b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Il-President spjegat li l-kumpanija Burmarrad Commercials hija waħda mill-kumpaniji li tat eżempju ċar ta’ turija reali ta’ solidarjetà, li hija l-ispirtu tal-Istrina u l-attivitajiet kollha marbuta magħha. Hija spjegat li m’hemm xejn isbaħ milli nuru solidarjetà ma’ xulxin, li nsaħħu lil min ikun dgħajjef u li nagħtu spalla soda lil min ikun għaddej minn żminijiet diffiċli.