Il-President ta’ Malta żaret ħames sptarijiet ġewwa Londra fejn pazjenti Maltin jintbagħtu għal kura speżjalizzata.
F’dawn l-isptarijiet, jiġifieri, Guy’s Hospital, Avelina Hospital, St Thomas Hospital, St Bart’s Hospital, u Charing Cross Hospital, il-President Coleiro Preca iltaqgħet ma’ membri tal-management ta’ l-isptarijiet rispettivi, fejn ingħatat tagħrif dwar l-isptarijiet u wkoll il-kura speċjalizzata li tingħata.
Il-President irringrazzjat lill-membri tal-management f’kull sptar li żaret, għas-servizzi ta’ kura li jingħataw lil pazjenti Maltin, u ħeġġet biex din il-konnessjoni u ħbiberija bejn il-Maltin u l-isptarijiet Ingliżi tkompli tissaħħaħ.
B’turija ta’ apprezzament, il-President ippreżentat donazzjoni għar-riċerka dwar il-mard tal-kanċer lill-entitajiet li jagħtu appoġġ lill-isptarijiet rispettivi li żaret.
“Inħossni tassew kburija biż-żgħażagħ speċjalisti Maltin li ltqajt magħhom waqt iż-żjarat tiegħi fl-isptarijiet li żort illum. Dawn l-ispeċjalisti Maltin qed jagħmlu isem mill-isbaħ u mill-aqwa għal pajjiżna, permezz tal-ħidma tagħhom b’risq il-morda li jmorru f’dawn l-isptarijiet”, qalet il-President ta’ Malta.