Mijiet ta’ tfal u ġenituri tagħhom ikkonkorrew bi ħġarhom għal ġurnata ta’ ċelebrazzjoni ta’ ‘Aqra Miegħi’, programm li jippromwovi l-qari għat-tfal, li beda minn Ottubru tas-sena li għaddiet mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u miċ-Ċentru tal-Litteriżmu fl-Universita’ ta’ Malta.
Dalgħodu waqt ċelebrazzjoni ta’ ‘Aqra Miegħi’ fil-Ġnien Privat ta’ San Anton mijiet ta’ tfal u l-ġenituri tagħhom ikkonkorrew bi ħġarhom għall-attivitajiet ikkoordinati apposta biex ikomplu jqajjmu l-interess għall-qari fost it-tfal. Matul ix-xhur tas-Sajf l-attivitajiet ta’ ‘Aqra Miegħi’ issuktaw fil-Ġnien Privat ta’ San Anton wara appoġġ sħiħ għal dan il-programm mill-President ta’ Malta l-E T Marie Louise Coleiro Preca.
Dalgħodu fil-Ġnien Privat ta’ San Anton mijiet ta’ tfal u l-ġenituri tagħhom attendew għal sessjonijiet ta’ qari mħejjija mill-voluntiera li kien grazzi għalihom li dan il-programm seta’ jibqa’ għaddej b’entużjażmu.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li attendiet għaċ-ċelebrazzjoni ta’ ‘Aqra Miegħi’ fejn segwiet b’interess il-mijiet ta’ tfal li qraw l-istejjer animati mill-istess voluntiera, qalet li dan huwa l-mod kif il-Presidenza trid timmotiva lil kulħadd speċjalment it-tfal biex iħobbu l-ktieb. Qalet li l-Presidenza trid li kif qed tagħmel tagħti saħħa u sostenn lil min irid il-ġid tal-komunita’, l-iktar tat-tfal u l-familji, biex jinżera’ l-ġid u jitkattar iktar għatx għall-edukazzjoni li hija l-għeruq għal ħajja stabbli. Il-President qalet li huwa l-gost tagħha li tara l-Palazzi Presidenzjali jiftħu l-bibien beraħ għat-tfal u għall-familji, biex flimkien jindukraw ruħhom f’attivitajiet li jġibu mhux biss l-armonija iżda wkoll jinżera fl-imħuħ tat-tfal, il-ġid edukattiv. Hija sostniet li l-Presidenza se tkun qed tkompli ssaħħaħ il-programmi għat-tfal u l-familji, programmi ta’ ġid, programmi li permezz tagħhom il-familji jingħataw kuraġġ biex jieħdu ħsieb lill-uliedhom u jagħtuhom l-aqwa u l-isbaħ esperjenzi possibbli.
Waqt din iċ-ċelebrazzjoni il-President qassmet iċ-ċertifikati lill-voluntiera li taw sehem fil-programm ta’ ‘Aqra Miegħi’.
Dalgħodu għall-programm ‘Aqra Miegħi’ attenda il-Koordinatur tal-istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu l-Professur Charles Mifsud, uffiċjali mid-dipartiment tal-edukazzjoni li kkoordinaw dan il-programm, kif ukoll l-Executive Head of Marketing tal-Bank of Valletta is-Sur Godwin Mamo. Il-Bank of Valletta hija l-isponsor ewlieni tal-programm kollu ‘Aqra Miegħi’.