Fl-okkażjoni tal-jum dinji dedikat lill-professjoni tal-infermiera, f’isem is-soċjetà Maltija, il-President Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-infermiera tal-kontribut li qed jagħtu fis-soċjetà u d-dedikazzjoni li juru f’xogħolhom mal-vulnerabbli.
Il-President Coleiro Preca sostniet dan waqt l-għeluq ta’ konferenza internazzjonali organizzata mill-Kumitat Soċjali u Kulturali fi ħdan l-isptar Mater Dei.
Il-President qalet li sa mit-twaqqif tal-professjoni tal-infermiera u qabel mal-komunità internazzjonali stabilixxiet id-drittijiet tal-bniedem, din il-professjoni kienet diġà rrikonoxxiet b’sens qawwi d-dritt li jassigura li kull persuna tgħix b’dinjità u d-dritt tal-ħajja.
Il-President uriet it-tħassib tagħha għal studju li sar mill-Unjin tal-Infermiera u Qwiebel (MUMN) li wera kif 95% tal-infermiera sostnew li qed jaħdmu taħt stress qawwi.
Hija sostniet li jeħtieġ jinstab rimedju għaliex dan it-tip ta’ stress għandu effett qawwi fuq il-ħidma tal-infermiera mal-pazjent u effett soċjali fuq il-familji tagħhom.
Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li x-xogħol tal-infermiera mhux sempliċiment professjoni iżda vokazzjoni msejsa fuq valuri kruċjali bħal dak tal-imħabba u t-tolleranza u appellat lill-infermiera biex jibqgħu determinati u jaqdu l-missjoni tagħhom.