Fil-Palazz, il-Belt Valletta, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca laqgħet lill-membri tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ ikkoordinat mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, li matulha ppreżentaw ir-riżoluzzjonijiet li ż-żgħażagħ ippreżentaw għas-sena 2017.
Il-President Coleiro Preca, filwaqt li raddet ħajr liż-żgħazagħ, faħħrithom għas-sens kbir ta’ kuraġġ u attiviżmu li huma għandhom, kuraġġ u attiviżmu li huwa rifless fit-temi li ż-żgħażagħ għażlu għar-riżoluzzjonijiet tagħhom, temi li kapaċi jkunu kontenzjużi u li kultant jitqiesu bħala taboo fis-soċjetà Maltija. Il-President stqarret li dawn iż-żgħażagħ jtuna tama kbira għall-futur, meta għada pitgħada jkunu l-mexxeja ta’ pajjiżna.
Il-President ħeġġet liż-żgħażagħ biex jibqgħu jħaddnu is-sens ta’ attiviżmu li għandhom tul ħajjithom kollha, ħalli b’hekk ikollna ġenerazzjoni ta’ ħassieba kritiċi. Hija propju din il-filosofija li wasslet sabiex fi ħdan l-entitajiet tal-President ġew maħluqa u qed jinħolqu bosta opportunitajiet ta’ spazji safe fejn numru kbir ta’ nies, minn sferi varji tas-soċjetà, isemmgħu leħinhom u l-aspirazzjonijiet tagħhom, fosthom it-tfal, bl-aktar mod demokratiku parteċipattiv.
Il-President appellat liż-żgħażagħ preżenti biex dan l-ispirtu ta’ attiviżmu jwassal biex huma jsiru aġenti tal-bidla f’kull ħin.