Kienu dawn il-kliem li bih il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ddeskriviet liċ-ċkejken Samuel Farrugia waqt it-tnedija tal-ewwel ktieb tiegħu Samuel and the Magic Tooth fil-Palazz ta’ San Anton.
“Samuel jurina li jkunu xi jkunu l-isfidi fil-ħajja, huwa l-mod ta’ kif tħares lejn dawk l-isfidi u l-mod ta’ kif tiżviluppa attitudni pożittiva li hu importanti biex inti tegħleb dawn l-isfidi”, qalet il-President, filwaqt li żiedet tgħid li “Samuel huwa mudell ta’ ispirazzjoni kemm għal tfal oħrajn bħalu kif ukoll għalina l-kbar.”
Il-President Coleiro Preca qalet li l-ktieb Samuel and the Magic Tooth hu evidenza ta’ dan kollu, evidenza ta’ kemm Samuel ma ħalliex l-isfidi tiegħu jaħkmuh.
“Samuel dawwar l-isfidi tiegħu f’sors ta’ saħħa u tama, li qiegħed jaqsam magħna permezz ta’ dan il-ktieb”, qalet il-President.
Meta indirizza lil dawk preżenti, Samuel Farrugia rringrazzja lil kull min kien involut fil-proċess tal-pubblikazzjoni tal-ktieb, b’mod speċjali lill-President ta’ Malta, fejn irringrazzjaha tal-fiduċja u l-kuraġġ. Huwa qal li mingħajr il-fiduċja u l-kuraġġ li wriet il-President lejh, “dan il-ktieb ma kienx jinkiteb u kien jibqa’ fil-fantażija ta’ moħħi.”
Samuel spjega kif iddeċieda li jsemmi l-karattru tal-ktieb b’ismu stess u qal li meta għamel dan sab ruħu fil-ktieb u fid-dinja li kien qiegħed joħloq, u b’hekk beda jimmaġina b’mod ħaj din l-istess dinja u l-avventura tal-karattru tal-ktieb, li jivvjaġġa lura fiż-żmien tad-dinosawri meta jsib sinna ta’ dinosawru. Samuel qal ukoll li dan il-ktieb huwa l-ewwel wieħed minn serje ta’ kotba li qiegħed jikteb u esprima t-tama tiegħu li din is-sena jkun f’pożizzjoni li joħroġ ktieb ieħor.
Waqt it-tnedija tkellem ukoll Peppi Azzopardi mit-team ta’ Xarabank, dan għaliex kien propju fl-edizzjoni tal-Milied 2016 ta’ Xarabank li Samuel kien ippreżenta l-ewwel draft tal-ktieb lill-President. Peppi Azzopardi stqarr li Samuel iħajru jara “affarijiet li jien li nara ma narax, u li hu li ma jarax jirnexxielu jara u japprezza.” Huwa radd ħajr ukoll lill-President Coleiro Preca li “għarfet il-kapaċità ta’ Samuel u għenitu jiżviluppa l-kreattività straordinarja tiegħu.”
Peppi Azzopardi ħeġġeġ lil kulħadd biex jixtri u jaqra dan il-ktieb “mhux għax Samuel huwa Malti bħalna, mhux għax Samuel kellu kanċer f’għajnejh, mhux għax Samuel ma jarax, imma għax dan il-ktieb huwa interessanti, tieħu gost taqrah, u mimli avventura.”
Fl-aħħarnett, il-President qalet li tħares ’il quddiem biex dan il-ktieb, u oħrajn li Samuel beħsiebu jikteb, jinbiegħ ukoll barra minn Malta sabiex b’hekk,“Samuel ma jkunx biss mudell ta’ ispirazzjoni hawn Malta iżda jkun mudell ta’ ispirazzjoni wkoll għal ħafna tfal u popli oħra.”
Il-ktieb Samuel and the Magic Tooth huwa ppubblikat minn Panda Books, u jinsab għall-bejgħ mill-Palazz ta’ Sant Anton u mill-uffiċini tal-Malta Community Chest Fund Foundation, fil-Palazz, il-Belt Valletta.