IL-President Marie-Louise Coleiro Preca, filwaqt li irringrazzjat lill-Prim Imħallef Emeritus, Dott Silvio Camilleri, ferħet lill-Prim Imħallef il-ġdid, Dott Joseph Azzopardi għal din il-ħatra importanti kostituzzjonali.
Il-President qalet li hija konvinta li l-Prim Imħallef Azzopardi għandu l-kapaċitajiet u l-valuri meħtieġa biex b’ħidma imparzjali, integra u trasparenti, jieħu l-qasam tal-ġustizzja fuq il-livell li jmiss permezz ta’ riformi meħtiega.
Il-President Coleiro Preca saħqet li jinħtieġ li tikber il-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna għas-serħan tal-moħħ ta’ kulħadd, għaliex fuq kollox hekk titlob id-demokrazija.
Qalet ukoll li minkejja li l-kwistjoni tad-dewmien fil-Qrati qed tiġi indirizzata, iċda jinħtieġ li nassiguraw li s-sistemi proċedurali fil-Qrati ma jintużawx biex ixekklu l-kisba tal-ġustizzja fl-iqsar żmien. Hawn hekk semmiet li dan il-fatt jorbot intrinsikament ma’ l-aċċess għal ġustizzja bħal fil-każ fejn jidħlu t-tfal u vittmi ta’ vjolenza domestika, fost oħrajn.
Il-President Coleiro Preca irreferiet għal talbiet li qed isirulha min-nisa li għaddew minn esperjenza mill-agħar ta’ vjolenza domestika u wara li rnexxielhom isibu l-kuraġġ biex jirraportaw u jinqatgħu minn din il-ħajja ta’ biża, iħossu li ċerti sistemi, inkluza l-Qorti minħabba d-dewmien, ġabithom vittmi għal darb’ ohra.
Għaldaqstant, il-President appellat biex r-riformi li hemm bżonn isiru ħalli jiġi assigurat aċċess għal ġustizzja aħjar, minn ċerti gruppi ta’ ċittadini, jitwettqu fl-iqsar żmien fl-aħjar interess tad-demokrazija u għal benefiċċji ta’ dawk li jinħtiegu l-ġustizzja.