Dan kien qofol il-messaġġ tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt attività li matulha ġew rikonoxxuti u premjati, l-aktar skejjel, kunsilli lokali, entitajiet u għaqiet li ġabru l-akbar ammont ta’ tappijiet tal-plastic waqt il-kampanja “Nirriċikla għall-Istrina 2017” organizzata minn GreenPak, bl-appoġġ tal-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima José Herrera, b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.
Il-President Coleiro Preca ħeġġet lit-tfal preżenti biex jibqgħu jkunu iċ-champions tal-ambjent, fid-dawl tal-isfidi li pajjiżna qiegħed jiffaċċja, biex joħloq kultura ta’ riċiklar. Il-President faħħret lill-Ministru Jose Herrera tal-inizjattivi li ttieħdu biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.
Il-President ħeġġet lill-GreenPak u organizzazzjonijiet oħra biex jibqgħu jieħdu inizjattivi biex jippromovu ir-riċiklar. Appellat ukoll lill-attivisti tas-soċjetà ċivili f’dan is-settur, u lill-adulti biex jagħtu eżempju u jirriċiklaw. Lit-tfal ħeġġithom jibqgħu jkunu champions tal-ambjent tul l-2018, u jħeġġu lil sħabhom u lill-familji tagħhom, biex kulħadd jifhem li l-kwistjoni tar-riċiklar mhijiex lussu jew għażla, iżda hija neċessità, sabiex jkollna ambjent li jtina kwalità ta’ ħajja aħjar u ambjent li jgħin lit-tfal jikbru f’saħħithom.
“Komplu kunu champions tal-ambjent, billi tippromovu r-riċiklar, champions biex tieħdu ħsieb lil Malta tagħna – Malta li llum tridu tgawduha, imma għada pitgħada, tridu tmexxuha,” ikkonkludiet il-President Coleiro Preca.
Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera faħħar l-inizjattiva li saret parti mill-kalendarju ta’ inizjattivi favur l-ambjent. Huwa saħaq li l-kwistjoni tar-riċiklaġġ speċjalment tal-plastic hija prijorità assoluta għall-Gvern u għalhekk il-Ministeru għall-Ambjent jipparteċipa f’dawn it-tip ta’ inizjattivi. Dr Herrera sostna li din l-inizjattiva apparti li tqajjem aktar kuxjenza favur l-ambjent qiegħda wkoll tgħin lill-Istrina sabiex jinġabru aktar fondi.