Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt l-intervent tagħha fl-ewwel sessjoni tal-laqgħa tal-grupp Arraiolos f’Warbturg il-Ġermanja flimkien ma’ għaxar Presidenti oħra Ewropej.

Din hija l-ewwel darba li Malta ġiet mistiedna biex tieħu sehem f’din il-laqgħa għolja minħabba l-importanza ta’ Malta fin-nofsinhar tal-Ewropa. Malta ġiet mistiedna wara l-ħidma diplomatika li għamlet Marie-Louise Coleiro Preca mal-President tal-Ġermanja Joachim Gauck, liema relazzjoni diplomatika ssaħħet wara ż-żjara Statali tal-President Ġermaniż f’Malta f’April li għadda.  Waqt din l-ewwel sessjoni l-President Coleiro Preca saħqet fuq il-bżonn li l-pajjiżi jisimgħu tassew dak li qed jgħidu n-nies f’ġieħ il-ġustizzja soċjali, favur l-avvanz tagħhom, biex ħadd ma jaqa’ lura.  Waqt din il-laqgħa, il-Presidenti Ewropej fosthom il-President Taljan, Awstrijakk, Pollakk u tal-Bulgarija, ilkoll semmew dak li għaddej bħalissa fl-Ewropa fejn immigranti qed jippruvaw isibu futur aħjar fl-Ewropa.