L-iżvilupp ekonomiku u kulturali ta’ pajjiżna jiddependi ħafna mill-kapaċitajiet kreattivi taż-żgħażagħ. Dan intqal mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt il-ftuħ ta’ esebizzjoni mtella’ mill-Istitut tal-Arti u d-Disinn fi ħdan l-MCAST fi tmiem din is-sena akkademika. Il-President Coleiro Preca appellat għall-aktar investiment fl-iżvilupp kreattiv għaliex pajjiż li jkun qed jinvesti fit-talent innovattiv taż-żgħażagħ ikun qed jaħdem favur tkabbir ekonomiku. Il-President laqgħet b’sodisfazzjon iż-żieda fin-numru ta’ studenti li qed jattendu dan l-istitut tal-MCAST u spjegat kif dawn l-istudenti qed jingħataw diversi opportunitajiet biex iżidu l-ħiliet tagħhom. Il-President Coleiro Preca temmet tfaħħar ix-xogħolijiet esebiti u sostniet li dawn huma xhieda tal-impenn tal-istudenti.