Il-President iżżur Dar Merħba Bik u Dar Qalb ta’ Ġesu fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara, ilbieraħ il-President ta’ Malta żaret lin-nisa ta’ Dar Merħba Bik u ta’ Dar Qalb ta’ Ġesù. Fiż-żewġ żjarat il-President Marie-Louise Coleiro Preca tkellmet fit-tul mad-diriġenti tad-djar u anke man-nisa residenti.

Il-President qalet li filwaqt li s-servizzi fil-qasam tal-abbuż kontra n-nisa komplew jissaħħu, jeħtieġ li nkomplu naħdmu aktar fuq l-edukazzjoni u fuq l-għarfien għar-rispett lejn xulxin, anke fil-kuntest ta’ dak li ppubblikat l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem. Il-pubblikazzjoni tindika li sa mill-età ta’ 15-il sena, 15% tan-nisa Maltin irrappurtaw vjolenza fiżika u sesswali, filwaqt li 37% tan-nisa Maltin irrappurtaw forom ta’ vjolenza psikoloġika.

Il-President ħeġġet biex is-soċjetà Maltija tingħaqad f’solidarjetà man-nisa abbużati u appellat lill-qrati biex jibagħtu messaġġ aktar qawwi kontra kull forma ta’ vjolenza fuq in-nisa.