Ippreżentata donazzjoni lil ALS Malta Foundation

Fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, f’isem il-Malta Community Chest Fund Foundation, flimkien maċ-Chairman tal-Bord tal-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund Foundation is-Sur John Camilleri, ippreżentat donazzjoni ta’ €10,000 lil Bjorn u Maria Formosa, b’risq il-Fondazzjoni ALS, għall-proġett ta’ dar għall-dawk milquta minn din il-marda.

Il-President qalet li bis-saħħa tal-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin, dan il-proġett mhux ser jibqa’ iżjed ħolma, iżda ser isir realtà. Il-President irringrazzjat lil Bjorn u lill-Maria, għall-kuraġġ, għad-determinazzjoni u għas-sens qawwi ta’ pożittività u ħeġġithom biex dawn il-valuri jkomplu jħaddnuhom u jkomplu jxerrduhom mal-Maltin u l-Għawdxin kollha.