“Ejjew inkomplu naħdmu flimkien biex nibnu soċjetà bbażata fuq kultura ta’ paċi, ta’ rispett, u ta’ solidarjetà, f’pajjiżna u lil hinn minnu”

Fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet it-tnedija tad-dokument bl-isem ta’ ‘Migration – A Student’s Perspective’. Dan ġie ippubblikat mill-Policy Forum fi ħdan l-għaqda Pulse, b’kollaborazzjoni bejn l-universitajiet ta’ Malta, Catania, u Tripli.

Il-President esprimiet is-sodisfazzjon tagħha lejn il-fatt li l-istudenti u ż-żgħażagħ f’pajjiżna ma jiddejqux jistudjaw,  jagħmlu riċerka, u joħorġu bi proposti dwar oqsma li jqanqlu dibattiti sħan u kultant kontenzjużi bejn individwi u komunitajiet. “Nifirħilkhom minn qalbi li intom żgħażagħ ta’ stoffa u kurraġġjuzi, u li diġà l-attiviżmu tagħkom qed iħalli impatt kostruttiv”, qalet il-President.

Il-President tenniet li fid-dawl tal-fatt li Malta u r-reġjun tal-Mediterran huma fost l-aktar milquta mill-kwistjoni tal-immigrazzjoni, ix-xogħol li wettqet u li qed twettaq l-għaqda Pulse f’dan ir-rigward tawha sens ta’ ferħ. “Dan għaliex,” qalet il-President, “tridu tkunu intom iż-żgħażagħ li tkomplu tqanqlu l-ħtieġa li kull wieħed u waħda minna għandna d-dmir li nħarsu d-dinjità ta’ kull bniedem, u nissalvagwardjaw id-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tiegħu”.

Hawnhekk, il-President Coleiro Preca appellat biex inkomplu naħdmu bis-sħiħ biex bħala nazzjon nkunu l-vuċi qawwija dinjija ta’ raġuni u mogħdrija, b’risq l-umanità. Dan filwaqt li ħeġġet biex aktar studenti jipparteċipaw u jikkontribwixxu ideat innovattivi u friski lejn diskussjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi. “Irrid nħeġġeġ lill-istudenti u liż-żgħażagħ Maltin biex ikunu attivisti u jkunu kurraġġużi f’diskussjonijiet u fl-analiżi tagħhom dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li ġġib magħha l-immigrazzjoni,” kompliet il-President.

Il-President faħħret ukoll l-inizjattiva li ħadu l-Pulse meta ħadmu b’kollaborazzjoni mal-universitajiet ta’ Malta, Catania, u Tripli, speċjalment meta jiġi kkunsidrat il-fatt li ma jistax jkollna tweġibiet effettivi għal dan il-fenomenu tal-immigrazzjoni billi naħdmu waħidna. Hija qalet li din l-istess sinerġija trid tiġi mrawma kemm nazzjonalment, kif ukoll internazzjonalment, “bi sħubija sħiħa bejn is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali, u l-qasam akkademiku”.

Il-President appellat biex ilkoll naħdmu flimkien, u npoġġu l-imħuħ tagħna flimkien biex niżviluppaw strateġiji għal inklużjoni soċjali li jippromwovu r-rispett, is-solidarjetà, u l-għarfien tad-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Filwaqt li temmet id-diskors tagħha billi għal darb’oħra ferħet lill-istudenti għall-kuraġġ u s-sens qawwi ta’ attiviżmu, il-President Coleiro Preca inkoraġġiet lill-istess studenti biex, meta jippreżentaw dan ir-rapport ġewwa Strasburgu, waqt konferenza taż-żgħażagħ li ser tiffoka fuq l-esperjenzi tat-tfal fl-immigrazzjoni, huma jinkludu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-konferenza li ġiet organizzata f’Jannar mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, flimkien ma’ Missing Children Europe.