Il-President Coleiro Preca tiltaqa’ mas-‘CEOs’ ta’ ‘War Child’ u ‘Save the Children’

Il-President Coleiro Preca tiltaqa’ mas-‘CEOs’ ta’ ‘War Child’ u ‘Save the Children’

 

Waqt iż-żjara uffiċjali li bħalissa qed tagħmel ġewwa r-Renju Unit, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, iltaqgħet mal-Kap Eżekuttiv ta’ ‘War Child’ is-Sur Rob Williams u mal- Kap Eżekuttiv ta’ ‘Save the Children’ is-Sur Kevin Watkins.

 

‘War Child’ hija għaqda mhux governattiva li twaqqfet fir-Renju Unit fl-1993 u li tipprovdi għajnuna lil tfal f’żoni milquta minn kunflitti u dak li jħallu warajhom il-kunflitti. It-twaqqif ta’ ‘War Child’ fir-Renju Unit wassal biex jinfetħu fergħat fil-Kanada u fl-Olanda.

 

‘Save the Children’, hija organizzazzjoni mhux governattiva internazzjonali li tippromwovi d-drittijiet tat-tfal. ‘Save the Children’ ġiet stabbilita fir-Renju Unit fl-1919 biex ittejjeb il-ħajjiet tat-tfal permezz ta’ edukazzjoni aħjar, kura tas-saħħa u opportunitajiet ekonomiċi, kif ukoll tipprovdi servizzi ta’ emerġenza waqt diżastri naturali, gwerer u kunflitti.

 

Statistika maħruġa riċentament turi li 38% tal-emigranti fil-Ġreċja, li daħlu fl-Unjoni Ewropea, huma fil-fatt tfal. Ħafna minn dawn it-tfal ma jkunux akkumpanjati jew ikunu separati mill-familji tagħhom. Din l-istatistika, flimkien mas-sitwazzjoni preżenti fl-Ewropa, f’żoni bħal Calais fi Franza ġew diskussi waqt il-laqgħat li l-President kellha mas-Sur Williams u mas-Sur Watkins.

 

Fid-dawl tal-fatt li Malta ser ikollha l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, ‘Missing Children Europe’ ser tkun qed torganizza konferenza f’Malta, f’Jannar tal-2017.

 

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca, li hija wkoll membru tal-‘Patron’s Council’ ta’ ‘Missing Children Europe’ ħadet l-inizjattiva biex tissuġġerixxi li din il-konferenza issir f’Malta.

 

Din il-konferenza ser tlaqqa’ flimkien esperti Ewropej u Internazzjonali, kif ukoll policy-makers, li jaħdmu ma’ tfal nieqsa li jkunu qed ifittxu ażil u  tfal refuġjati nieqsa, bħal ma huma ‘War Child’ u ‘Save the Children’, biex flimkien jiddiskutu s-sitwazzjoni preżenti fir-reġjun li skont il-Europol turina li mal-10,000 tifel u tifla ġew irrappurtati nieqsa waqt li kienu qed ifittxu ażil.

 

Din il-konferenza qed tiġi organizzata bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.