“Malta tibqa’ sinonima mal-valur tas-solidarjetà’”

Dawn kienu l-kliem tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca meta indirizzat lil numru rekord ta’ nies li ħonqu Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta fi tmiem ta’ ‘The President’s Solidarity Fun Run 2016’, li għal darb’oħra ġiet organizzata b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.

 

“J’Alla kull ġurnata tas-sena nibqgħu nħarsu lejn xulxin b’rispett u b’għaqda sħiħa b’risq is-solidarjetà ta’ bejnietna”, tenniet il-President, filwaqt li żiedet li minkejja li ninfirdu fuq ħafna affarijiet, “meta niġu għas-siegħa tas-solidarjetà ma’ jifridna ħadd”.

 

Il-President Coleiro Preca rringrazzjat lill-kumitat organizzattiv, immexxi minn Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, lill-istaff ta’ SportMalta, lill-forzi tas-sigurtà, il-faċilitajiet u l-għaqdiet tas-saħħa, lill-isponsors, u lill-ħaddiema u l-voluntiera tal-Malta Community Chest Fund Foundation.

 

Fl-aħħarnett, il-President raddet ħajr lil numru kbir ta’ żgħażagħ li attendew bi ħġarhom u appellatilhom biex jibqgħu jkunu attivisti tas-solidarjetà, u biex dan il-valur tant importanti jżommuh magħhom meta fil-futur isiru mexxejja ta’ dan il-pajjiż.