“Il-problemi tas-saħħa mentali jaffettwawna lkoll, direttament jew indirettament”

“Il-problemi tas-saħħa mentali jaffettwawna lkoll, direttament jew indirettament”

 

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca indirizzat konferenza tal-aħbarijiet li matula appellat lis-soċjetà Maltija sabiex ‘tifhem aktar u tagħraf is-sofferenza ta’ dawn ħutna fis-soċjetà tagħna u tkun ta’ appoġġ fejn ikun hemm bżonn’.

 

Filwaqt li raddet ħajr lil dawk l-għaqdiet u organizzazzjonijiet, health professionals u informal carers, li jaħdmu f’dan il-qasam ‘b’risq ħutna bi problemi ta’ saħħa mentali fis-soċjetà Maltija’, il-President Coleiro Preca tenniet li skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, wieħed minn kull erba’ persuni ikollhom problemi ta’ saħħa mentali f’xi punt fil-ħajja tagħhom, u sal- 2030, id-dippressjoni se tkun il-kawża ewlenija ta’ problemi ta’ saħħa madwar id-dinja. “Dan ifisser li l-problemi ta’ saħħa mentali jaffettwana lkoll, direttament jew indirettament”.

 

“Jeħtieġ li nkomplu nżidu l-isforzi tagħna biex naħdmu ħalli tinbidel il-kultura u l-perċezzjoni li għandhom ħafna nies dwar il-problemi ta’ saħħa mentali, u fl-istess waqt intejbu u nsaħħu s-servizzi ta’ kura pprovduti, speċjalment fil-komunità.” Fid-dawl ta’ dan, il-President wriet sodisfazzjon lejn il-pożizzjoni li ġiet ppubblikata lbieraħ mill-Allejanza għas-Saħħa Mentali.

 

L-istess pożizzjoni hija rifless wkoll fis-sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni organizzati mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà matul ix-xhur li għaddew bl-għan li tifhem aktar il-bżonnijiet ta’ persuni milquta bi problemi ta’ saħħa mentali.

 

Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, flimkien mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, ltaqgħu mal:

 

  • Malta Association of Psychiatric Nurses
  • Malta Association for Counselling Professions
  • Mental Health Services
  • Malta Association of Work and Organizations Psychology
  • Association for Child and Adolescent Mental Health
  • Malta Association of Occupational Therapists
  • Malta Psychological Association
  • Malta Associations of Psychiatrists
  • Association of Speech Language Pathologists
  • St Jeanne Antide Foundation
  • Richmond Foundation
  • Hearing Voices
  • Friends of Mount Carmel
  • Fondazzjoni Suret il-Bniedem

 

Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà waqqfet il-platform għall-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fis-settur tas-saħħa mentali, sabiex din il-konsultazzjoni tkun proċess kontinwu.

 

Punt ċar li ħareġ mill-konverżazzjonijiet ma’ persuni milquta u dawk li jaħdmu magħhom huwa li l-istigma f’dan is-settur tista’ tiġi miġġielda bl-edukazzjoni u l-għarfien.

 

“Jeħtieġ li noħolqu aktar spazji safe fejn persuni milquta jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom bejniethom, u ma’ oħrajn, kif qiegħed jiġri fiċ-ċentri ta’ matul il-jum li għandna sal-lum”, tenniet l-President, filwaqt li rrimarkat li hemm bżonn ta’ aktar minn dawn iċ-ċentri mifruxin ma’ Malta u Għawdex.

 

Il-President Coleiro Preca enfasizzat l-uġigħ li semgħet hi stess mill-persuni milquta u l-familjari tagħhom dwar l-istigma u qalet li ‘meta nistigmatizzaw lil xi ħadd nkunu qed niġġudikaw, niddiskriminaw, neskludu u nkunu qed nkabbru d-diffikultajiet għall-persuni milquta bla ħtieġa.’

 

B’rabta mal-fatt li l-problemi ta’ saħħa mentali mhux dejjem ikunu viżibbli, u mal-fatt li hemm riskju li xi drabi l-problemi ta’ saħħa mentali jingħataw inqas viżibilità u importanza, il-President qalet li dawn huma fatti li jkomplu jipperpetwaw l-istigma kontra persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u ‘għaldaqstant huwa meħtieġ li bħala soċjetà, niġu aktar infurmati u edukati, biex nifhmu aħjar in-natura varjata ta’ problemi ta’ saħħa mentali’.

 

Il-President appellat biex, bħal kif ġie mistqarr fil-position paper li ġiet ippubblikata mill-Alleanza dwar is-Saħħa Mentali, ikollna s-servizzi meħtieġa kollha ta’ prevenzjoni u interventi fil-ħin. Il-President appellat ukoll biex il-health professionals li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali jsaħħu r-relazzjoni ta’ bejniethom u niex joffru aktar servizzi ħolistiċi u interdixxiplinari.

 

Wara li elenkat l-esperjenzi li qasmu magħha għadd ta’ rappreżentanti mis-settur tas-saħħa mentali, waqt is-sessjonijiet li saru mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, fil-preżenza tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, il-President Coleiro Preca appellat biex l-awtoritajiet jagħtu widen għal dak li qiegħed ikun propost mill-għaqdiet, il-professjonijiet u l-informal carers u mill-persuni milquta, u li jipprovdu l-fondi meħtieġa ħalli nagħtu d-dinjità mistħoqqa lil dawn ħutna fis-soċjetà.