Diskors mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt il-ftuħ ta’ konferenza dwar l-irtirar imtella’ mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà intitolata ‘Wellbeing in Retirement’

Diskors mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt il-ftuħ ta’ konferenza dwar l-irtirar imtella’ mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà intitolata ‘Wellbeing in Retirement’

 

Insellmilkom,

 

Fid-dinja tal-lum, nafu li n-nies qed jgħixu aktar. Għaldaqstant, il-perjodu tal-irtirar tal-bniedem huwa ferm itwal minn dak li darba kien.

 

Dan ifisser li din il-fażi fil-ħajja tal-bniedem qed issir aktar importanti.

 

Din ir-realtà ġdida, bla dubju, qed toħloq sfidi ġodda għas-soċjetà tagħna.

 

Fost l-isfidi ġodda ewlenin qed insibu li għadd sostanzjanli ta’ pensjonanti jerġgħu jibdew ifittxu xogħol biex iserrħu moħħhom minn dħul finanzjarju biżżejjed biex  jgħixu b’dinjità, jew biex iżommu l-istess livell ta’ għixien u kwalità ta’ ħajja li kellhom qabel irtiraw.

 

Wasal iż-żmien fejn, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet, l-employers u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-pensjonanti f’pajjiżna, tingħata bidu għal diskussjoni biex naraw kif nistgħu niżviluppaw sistemi ġodda ta’ xogħol, bl-għan li jinħoloq aċċess, u li jinkludu dawk il-persuni fostna li jixtiequ jkomplu jaħdmu wara l-età tal-irtirar.

 

Għaldaqstant, nappella biex is-sejħa ta’ tant persuni irtirati li qed ifittxu opportunità ta’ xogħol tinstema’.

 

Din il-konferenza hija maħsuba propju biex tkompli tistimula d-diskussjoni f’pajjiżna dwar il-ħtieġa tal-bidla fil-mentalità u fl-attitudni dwar l-irtirar u l-anżjanità attiva, bil-ħsieb ewlieni li aktar ma jitwal dan il-perjodu fil-ħajja tal-bniedem, aktar il-bnieden jikseb sens ta’ wellbeing u sodisfazzjon.

 

Wasal iż-żmien li meta nitkellmu dwar anzjanità attiva, nifhmu tassew li qed nitkellmu fuq għixien diċenti, dħul xieraq, saħħa, ambjent nadif u san, relazzjonijiet b’saħħithom, u sens ta’ sodizzfazzjon fil-ħajja.

 

Waqt il-laqgħat ta’ konsultazzjoni  li mexxiet il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà ma’ persuni rtirati, ħarġu dawn l-aspetti importanti fost affarijiet oħra. Ħareġ ċar it-tħassib tagħhom dwar:

 

  • is-saħħa fiżika u mentali;
  • id-dħul diċenti u għixien xieraq;
  • l-opportunità ta’ attività ekonomika;
  • u l-kapaċita li wieħed jifhem u jippjana l-finanzi tiegħu (jew financial literacy).

 

Jidher ċar minn dak li qed iressqu ‘l quddiem l-anzjani tagħna li teżisti l-ħtieġa li nbiddlu l-attitudni u l-perspettiva ta’ kif inħarsu lejn l-anzjanità, u għaldaqstant nħeġġeġ u nappella biex is-soċjetà Maltija tħares aktar lejn dak li jistgħu jagħmlu l-anzjani tagħna milli lejn dak li kienu mdorrijin jagħmlu fil-passat.

 

Żgur li ma nistgħux ninjoraw l-appell li qed jagħmlulna ħafna mill-anzjani tagħna, appell għall-inklużjoni biex nassiguraw l-parteċipazzjoni tagħhom kemm f’attivitajiet soċjali u kif ukoll f’attivitajiet ekonomiċi.

 

Jeħtieġ inkunu innovattivi biex noħolqu strutturi ta’ appoġġ orizzontali, fejn nies irtirati ngħinuhom ikollhom il-kapaċità li jieħdu ħsieb xulxin, kemm fil-ħarsien emozzjonali kif ukoll finanzjarju, u dan għaliex l-istrutturi tradizzjonali vertikali, fejn l-anzjani jistrieħu fuq il-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom għall-appoġġ, kemm jekk finanzjarju jew ta’ xorta oħra, illum iddgħajfu, u qed jispiċċaw, minħabba l-bidliet soċjo-ekonomiċi li qed iseħħu f’pajjiżna u madwar id-dinja.

 

Malta, bħal bosta pajjiżi oħra madwar id-dinja, qed tiffaċċja dawn il-bidliet bla preċedent li qed joħloqu kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet ġodda.

 

Bla dubju ta’ xejn qed nesperjenzaw evolviment sħiħ tal-kunċett tal-irtirar.

 

Il-fatt li l-ħajja qed tkompli titwal qed toħloq pressjonijiet  ġodda fuq s-sistemi tal-pensjonijiet u qed naraw sistemi ġodda f’pajjiżi oħra jinbtu, fejn ir-responsabbiltà ta’ dħul xieraq tan-nies waqt l-irtirar qed tintefa’ kompletament fuq l-individwu.

 

Filwaqt li rridu nninutaw b’sodisfazzjon li pajjiżna għadu jħaddan is-sistemi tradizzjonali tal-pensjoni u tal-welfare, xorta waħda nemmen li jeħtieġ noħolqu kuxjenza u nedukaw biex ngħinu lin-nies ikunu preparati aħjar għal dan il-perjodu f’ħajjithom permezz ta’ programmi aċċessibbli għal kullħadd dwar financial literacy.

 

Jien nemmen li għandu jkun possibbli għal dawk li jixtiequ jkomplu f’attività ekonomika wara l-età tal-irtirar li jagħmlu dan. Iżda, biex dan iseħħ, iridu jinbidlu ħafna mill-prattiċi tal-impjieg.

 

Filwaqt li f’pajjiżna huma ħafna dawk li għandhom mezzi finanzjarji diċenti, nafu wkoll li għandna kważi 17 fil-mija ta’ dawk bl-età ta’ 65 sena l-fuq li huma f’riskju ta’ faqar.

 

Nemmen li rridu nżidu l-isforzi tagħna biex nassiguraw li nindirizzaw il-bżonnijiet ta’ din il-komunità  vulnerabbli fostna.

 

Nistqarr li qed inqiegħed t-tama tiegħi f’inizjattivi potenzjali ġodda li l-gvern jista’ jieħu fil-budget li jmiss.

 

Jeħtieġ li niżviluppaw programmi  ta’ taħriġ u struttura ta’ tħejjija għall-irtirar biex nassiguraw li min jirtira ma jinqabadx f’bidla estrema f’ħajtu li tista’ tiżbilanċjah.

 

Aspett importanti ieħor li ħareġ waqt id-diskussjoniet li ġew organizzati mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà ma’ persuni irtirati u assoċjazzjonijiet li jirrapreżentawhom huwa il-ħtieġa ta’ tħejjija għal koppji li jirtiraw it-tnejn f’daqqa mix-xogħol, u jsibu ruħhom id-dar ma jagħmlu xejn.

 

Huwa għalhekk importanti wkoll li l-irtirar ikun ippjanat sew minn qabel.

 

Għaliex, kif spjegawlna l-istess persuni rtirati, dan kollu jħalli effett fuq il-wellbeing psikoloġiku  tal-koppji, u sussegwentament, fuq ir-relazzjoni tagħhom.

 

Filwaqt li llum pajjiżna għandu strateġija għall-anzjanità attiva, jeħtieġ li din l-istrateġija tkun imħaddna, mhux biss mill-esperti u l-akkademiċi, iżda tkun mħaddna u implimentata mill-istakeholders kollha.

 

Jeħtieġ li dawk kollha li flimkien mad-dmir li għandhom li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies, jieħdu on board ukoll din l-istrateġija biex iwettqu l-bidliet meħtieġa fl-iqsar żmien possibbli.

 

B’hekk biss nistgħu nassiguraw li nkunu ppreparati biżżejjed biex il-perjodu tal-irtirar ikun perjodu ta’ sodisfazzjon, għal kull min għandu, jew ser ikollu, ix-xorti jgħix dan il-perjodu.

 

Fl-aħħarnett nawguralkom, bħala rappreżentanza tal-istakeholders f’pajjizna,  diskuzzjoni kostruttiva, u tisħiħ tal-impenn tagħkom favur soċjetà Maltija verament ġusta u inklussiva.