‘‘Permezz ta’ ‘The Student Fund’ qed turu kemm tridu li dan jibqa’ pajjiż magħqud’’
Fi żjara dalgħodu l-Junior College waqt Freshers’ Week 2016, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet it-tnedija ta’ inizjattiva mill-għaqda studenteska Pulse.
The Student Fund huwa fond mill-istudenti għall-istudenti, li permezz tiegħu se jiġu megħjuna studenti bi problemi finanzjarji. Dan il-fond se jiġi fis-seħħ b’risq il-fondazzjoni Malta Community Chest Fund, u fl-istess waqt, il-Fondazzjoni tkompli xxerred is-servizzi tagħha f’komunitajiet differenti, wara li f’dawn is-sentejn infetħu uffiċini f’Għawdex, f’Birżebbuġa u fl-Isla fost l-oħrajn.
“X’hawn isbaħ milli taħseb f’ħaddieħor. X’hawn isbaħ milli tħoss li m’intix waħdek. X’hawn isbaħ milli ssib spalla meta jkollok bżonn”, saħqet il-President Coleiro Preca, filwaqt li raddet ħajr lill- mijiet ta’ studenti preżenti talli qegħdin iħaddnu bis-sħiħ il-valur distint tas-solidarjetà, valur li permezz tiegħu qed juru kemm dan il-pajjiż iriduh jibqa’ magħqud u jridu li jibqa’ jkattar il-paċi “għaliex meta jkollna l-għaqda, ikollna l-paċi fostna”.
Il-President irringrazzjat lil kull min kien involut fil-ħolqien ta’ dan il-fond, f’isem il-fondazzjoni Malta Community Chest Fund u f’isem il-Maltin u l-Għawdxin, filwaqt li awgurat kull suċċess lill-istudenti fil-bidu tas-sena skolastika tagħhom fil-Junior College.