Il-Ġnien Sigriet tal-President—ċerimonja tal-għeluq

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca lbieraħ nediet il-Kunsill tat-Tfal u ż- Żgħażagħ fi ħdan il-Fondazzjoni tagħha għall-Ġid tas-Soċjetà. Mnebbħa mill-idea li t-tfal jinħtieg li jinstemgħu, kif ukoll mill-impenn tagħha lejn il-prinċipju ta’ parteċipazzjoni stabbilit bil-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda, il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà waqqfet għad ta’ strutturi fejn it-tfal stess jistgħu jkunu ta’ gwida u jagħtu direzzjoni għax-xogħol tagħha. Dan il-kunsill se jkun konsultat kull meta l-Fondazzjoni tippjana attivitajiet minn u għat-tfal, u se jkun mistieden jagħti l-opinjoni tieghu anke fuq aspetti oħra tax-xogħol tal-fondazzjoni. B’hekk ikun żgurat li x-xogħol tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà jibqa’ ffukat fuq it-tfal u għat-tfal.

 

Is-sehem tat-tfal diġà kien parti sinifikanti mix-xogħol li l-fondazzjoni daħlet għalih—l-aktar permezz tal-Ġnien Sigriet tal-President, fejn illum waslet fit-tmiema t-tieni edizzjoni tiegħu. Wara li t-tfal stess urew ix-xewqa li jkollhom aktar ambjenti miftuħa u mħaddra fejn jistgħu jilgħabu u jesprimu l-kreattività tagħhom, il-President fetħet il-ġnien privat tal-Palazz ta’ San Anton biex fih it-tfal ikunu jistgħu jiġru, jilgħabu, jitgħallmu, jesploraw u jirriflettu.  Dan sar biex jilqa’ t-talba għal aktar spazji għal-logħob u faċilitajiet rikreattivi għat-tfal li jkunu finanzjarjament aċċessibbli u li joffru inklużjoni soċjali, impenn kreattiv, l-iżvilupp tal-ħsieb kritiku, edukazzjoni ffukata fuq il-paċi, u s-sehem attiv tat-tfal ta’ kull età fis-soċjetà. Bil-kollaborazzjoni tat-tfal, ġie żviluppat programm wiesa’ ta’ attivitiajiet u min-naħa tagħhom dawn l-attivitajiet rawmu sens ta’ komunità u impenn favur l-ambjent. Ħafna minn dawn il-prinċipji se jsibu posthom ukoll fil-Librerija Stilel Żgħar f’dan l-istess ġnien, programm li ser jibda dalwaqt.

 

Fuq talba formali, il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà qed tħejji sett ta’ għodod biex din il-metodoloġija tkun esportata u din l-inizzjattiva tkun tista’ tiġi riprodotta f’pajjiżi oħra.