Diskors mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, waqt workshop dwar il-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli, organizzat mill-Osservatorju Nazzjonali għall-Għejxien Xieraq, fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.

 Huwa bi pjaċir kbir li ninsab hawn illum, biex niftaħ din id-diskussjoni dwar suġġett li nemmen fih tant bis-sħiħ, u li fil-qalba tiegħu iħaddan prinċipji li mill-bidu nett,  kienu l-ispirazzjoni ewlenija tax-xogħol tiegħi fi ħdan il-Presidenza.  F’Settembru tal-elfejn u ħmistax (2015), jien indirizzajt is-Summit tal-Ġnus Magħquda dwar il-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli fi New York, flimkien ma’ Kapijiet ta’ Stati tal-Ġnus Magħquda u mexxejja dinjija oħra. Dak l-avveniment kien mument storiku importanti, li fih il-mexxejja u ċ-ċittadini tad-dinja, wieġbu għas-sejħa li saritilhom għal solidarjetà globali, u biex iġeddu l-impenn tagħhom li sal-elfejn u tletin iwettqu tlett għanijiet straordinarji – jiġifieri, it-tmiem tal-faqar, it-trażżin tat-tibdil tal-klima u l-ġlieda kontra l-inġustizzja u l-inugwaljanza. Forsi dan hu l-mod konċiż li bih ġbart is-sbatax-il mira tal-Iżvilupp Sostenibbli, kif maqbula f’New York.
 
Tfassal pjan komprensiv, biex fuq medda ta’ ħmistax-il sena, jintlaħqu kull wieħed mis-sbatax il-mira għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jilħqu lil kull bniedem u bniedma f’kull rokna tal-dinja. Almenu dik hija t-tama tiegħi u ta’ ħafna, f’pajjiżna, imma wkoll, madwar id-dinja.
 
Il-mexxejja dinjija impenjaw ruħhom għal dan il-pjan, għaliex għarfu l-ħtieġa urġenti li jkollna komunitajiet inklussivi u sostenibbli, u l-ħolqien ta’ ambjent ta’ djalogu sinifikattiv, u ftehim li jagħmel sens għal kulħadd. L-inugwaljanza soċjali, li timmanifesta ruħha b’mod odjuż u persistenti, jinħtieġ li tinqered.  Ta’ kuljum, bnedmin bla għadd, qed jiċċaħħdu mid-drittijiet fundamentali tagħhom, u jintefgħu f’sitwazzjonijiet ta’ tbatija u inġustizzja bla ebda tama. Nemmen li hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna lkoll, bħala ċittadini tad-dinja, li nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet gravi b’mod sostenibbli, konsistenti u effettiv, billi ngħaqdu flimkien l-isforzi ta’ kull individwu, għall-kisba ta’ soluzzjoni.  Għalija dan jinkludi, li l-bniet u n-nisa jingħataw is-setgħa li jaħdmu għat-twettiq ta’ dawn il-miri, bħala parteċipanti soċjali li huma għal kollox u f’kollox indaqs,  apprezzati, attivi u innovattivi.
 
L-inklużjoni tinsab fil-qalba ta’ dawn il-miri. U biex dawn il-miri jintlaħqu, jinħtieġ li aħna lkoll nagħmluhom tagħna, bħala pjan urġenti u ambizzjuż li jista’ jaħdem biss jekk ikun hemm pjan għal kulħadd u bis-sehem ta’ kulħadd.  Il-bnedmin kollha tad-dinja issejħu biex ixandru dawn il-miri ma’ kullimkien, filwaqt li jaqsmu l-progress li qed isir fi djalogu sinifikattiv u importanti. Dan hu propju dak li qed jagħmel l-Osservatorju għall-Għejxien Xieraq fi ħdan il-Fondazzjoni tiegħi għall-Ġid tas-Soċjetà, meta qed iniedi din id-diskussjoni li għaliha nġbarna flimkien illum. 
 
Permezz ta’ metodoloġija ġdida, il-kelliema tal-lum se jkollhom l-opportunità  li jippreżentaw kull wieħed mis-sbatax-il għan tal-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli b’mod konċiz u kreattiv, bil-għan li jħeġġu aktar diskussjoni  dwar kif il-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli jistgħu jintlaħqu, f’Malta u lil hinn minnha.
 
Għaldaqstant, nitlobkom tingħaqdu magħna biex flimkien niżguraw li l-frott tad-diskussjoni tagħna ma’ jiqafx hawn.  Jinħtieġ li jinfirex u jimxi ’l quddiem.  Jinħtieġ li ninpenjaw ruħna biex nkunu s-sostenituri tal-paċi u l-ġid ta’ kulħadd, f’ħidma konsistenti favur id-dinjità umana, l-integrità  u l-ħelsien ta’ kull persuna.
 
Il-miri globali llum huma magħrufa u approvati  b’mod wiesa’.  Issa jmiss li aħna nissieħbu f’din it-trasformazzjoni globali, u niffukaw l-enerġija tagħna fuq il-kisba tar-riżultati – bħala individwi, bħala mexxejja fil-komunità, bħala politiċi, bħala innovaturi u bħala ċittadini tad-dinja.