Il-President ta’ Malta tfakkar it-tieni sena tal-Presidenza

 Illum, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fakkret it-tieni sena minn meta ħadet il-ġurament tal-ħatra bħala d-disa’ President tar-Repubblika ta’ Malta.

 

Il-President tat ġieħ lill-eks Presidenti u lir-Repubblika ta’ Malta bit-tqegħid ta’ fjuri f’diversi lokalitajiet mal-monumenti tal-eks Presidenti Maltin kif ukoll mal-monument tar-Repubblika, fi Triq Diċembru Tlettax, fil-Marsa. Il-Presidenti huma Sir Anthony Mamo, Anton Buttigieg, Agatha Barbara, Pawlu Xuereb, Ċensu Tabone, u Guido De Marco.

 

F’kummenti lill-mezzi tax-xandir preżenti, il-President tkelmet dwar ix-xogħol fil-Presidenza f’dawn l-aħħar sentejn, xogħol li kompla jibni fuq ix-xogħol tajjeb tal-Presidenti preċedenti.

 

Impenn Soċjali

 

Il-President qalet li bit-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, u permezz tax-xogħol li qed tagħmel, qed iġġib mijiet ta’ nies flimkien permezz ta’ ħolqien ta spazji fejn jitkellmu bl-iktar mod ħieles, bl-għan aħħari jkun li l-presidenza tgħin fl-iżvilupp ta soċjetà ta’ ċittadini attivi u t-tisħiħ tad-demokrazija tagħna.

 

F’dan il-perjodu, il-President nidiet ukoll The President’s Trust, entità li tidħol fi sħab ma’ entitajiet u organizzazzjoniiet biex jiġu żviluppati programmi ta’ empowerment mmirati lejn żgħażagħ li huma vulnerabbli u f’riskju, bil-għan li tagħtihom opportunità għal ħajja aħjar.

 

Hija tenniet dak li kienet qalet fid-diskors tal-ġurament tal-ħatra meta qalet li permezz tax-xogħol siewi li qiegħdin jagħmlu dawn iż-żewġ entitajiet ‘jista jkollna soċjetà u poplu li jkun ferħan għax nassigurawlu l-opportunità li jagħmel ħiltu biex jirnexxi mingħajr xkiel’.

 

Ħidma oħra f’dan is-settur li twettqet matul dan iż-żmien kienet it-trasformazzjoni tal-Malta Community Chest Fund biex din issa saret Fondazzjoni, u b’hekk din l-entità nazzjonali importanti ngħatat iktar relevanza għaż-żminijiet tal-lum b’aktar awtonomija, trasparenza u kontabilità, għax issa ġiet regolata bil-liġi Maltija.

 

Impenn Internazzjonali

 

Il-President spjegat kif permezz tal-impenji internazzjonali tagħha, Malta ngħatat viżibilità permezz tas-settur soċjali, fil-qasam tal-paċi, u fil qasam tal-ugwaljanza. Fil-fatt, matul dawn is-sentejn, il-President kienet mistiedna biex tagħti l-kontribut tagħha f’għadd ta’ fora importanti, bħall-Ġnus Magħquda, il-UNESCO, il-World Leaders Forum fi ħdan l-Università ta’ Columbia fl-Istati Uniti, u dak ta’ Children of Prisoners Europe. Il-President kienet mistiedna wkoll biex tindirizza il-Women of the World Festival ġewwa Londra, l-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, konvenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar The Europe 2020 Poverty Targets u seminar tal-Patron’s Council of Missing Children Europe, fil-Parlament Ewropew.

 

Il-President Coleiro Preca ġiet maħtura membru fil-Council of World Women Leaders u ġiet maħtura wkoll membru fuq il-Kunsill tal-Patruni ta’ Missing Children Europe.

 

Il-President Coleiro Preca ġiet mistiedna biex tingħaqad mal-grupp Arraiolos. Din hija network informali ta’ numru ta’ Kapijiet ta’ Stati tal-Unjoni Ewropea. Il-President ġiet maħtura wkoll Professur Onorarju tal-Università ta’ Warwick, fejn aktar kmieni din is-sena ġiet mistiedna tagħti lecture fl-istess università dwar l-immigrazzjoni u l-paċi fil-Mediterran. Il-President Coleiro Preca ġiet mistiedna biex tkun waħda mid-diriġenti sabiex tmexxi ’il quddiem il-kampanja msejħa He 4 She, tan-Nisa tal-Ġnus Maqgħuda (UN Women)—kampanja biex jinħoloq moviment favur l-ugwaljanza fid-dinja.

 

Matul dawn is-sentejn, il-President Coleiro Preca laqgħet f’pajjiżna għadd ta’ kapijiet ta’ stat fuq żjarat Statali u oħrajn uffiċjali, fosthom lill-President tal-Italja, Sergio Mattarella; lill-Granmastru tal-Ordni Sovrana u Militari ta’ Malta, Fra’ Matthew Festing; lill-President tal-Ġermanja, Joachim Gauck, lir-Reġina Eliżabetta II u l-membru tal-Familja Rjali Ingliża, il-Prinċep William, bl-aħħar żjara tkun dik tal-President tal-Kosovo, Atifete Jahjaga.

 

Apparti minn hekk, il-President kellha żjarat statali jew uffiċjali u mexxiet delegazzjonijiet fl-Islovenja, fl-Alġerija, fil-Kosovo u fl-Albanija, fejn l-għan prinċipali kien li jiġu msaħħa r-relazzjonijiet bilaterali, filwaqt li jiġu esplorati metodi ġodda biex Malta tikkollabora b’mod dirett ma’ dawn il-pajjiżi f’diversi setturi li jinkludu l-edukazzjoni, is-settur ekonomiku, is-settur turistiku, s-settur soċjali u dak tan-negozju. F’uħud minn dawn iż-żjarat, il-President mexxiet ukoll delegazzjonijiet kummerċjali bil-għan li jiġu żviluppati kollaborazzjonijiet u sħubija bejn Malta u l-pajjiżi rispettivi.

 

L-Identità

 

Fid-diskors tal-ġurament tal-ħatra, il-President kienet tenniet li “huwa importanti li nkomplu nsaħħu l-identità tagħna.” Dakinhar kienet qalet li l-lingwa, il-bandiera, l-innu nazzjonali, il-kultura, it-tradizzjonijiet, u l-patrimonju awtentiku li jagħmilna poplu b’identità unika.

 

Huwa propju għal din ir-raġuni li bħalissa fil-Palazz ta’ Sant’ Anton għaddej eżerċizzju vast ta’ restawr biex il-kmamar fl-istess Palazz li qabel din il-Presidenza kienu uffiċini, imħażen jew workshops, jingħataw id-dinjità li jistħoqqilhom u jinbidlu fi kmamar statali biex jitgawdew mill-poplu Malti u Għawdxi, “għax dawn il-Palazzi huma parti integrali mill-patrimonju Malti”.

 

Minbarra f’hekk, il-Presidenza, ta’ kull ġimgħa tospita għadd ta’ artisti lokali u barranin għall-kunċerti u esebizzjonijiet fil-Palazzi Presidenzjali, bil-għan li l-Presidenza tkun minn ta’ quddiem biex tippromwovi, it-talenti lokali, l-kultura u l-arti f’pajjiżna.

 

Parti oħra mill-ħidma tal-Presidenza biex ssaħħaħ l-identità Maltija permezz tal-lingwa u t-tradizzjonijiet Maltin huma l-għadd ta’ serati mużiko-letterarji u t-tnedijiet ta’ għadd ta’ kotba minn kittieba u akkademiċi Maltin, fil-Palazzi.

 

Il-Volontarjat

 

“Il-Poplu tagħna huwa poplu li jispira l-ġenerożità.  Il-ġenerożità tista’ tieħu ħafna forom, kemm ta’ natura finanzjarja kif ukoll f’dedikazzjoni ta’ ħin għas-servizz tal-oħrajn. Hija l-intenzjoni tiegħi li nagħmel minn din il-Presidenza opportunità oħra, bħall-predeċessuri tiegħi, biex insaħħu l-volontarjat f’pajjiżna”.

 

Kien dan il-ħsieb li wassal biex tittieħed l-inizjattiva ‘Noffri.com’, fejn il-poplu Malti u Għawdxi ġie msejjaħ biex minflok joffri l-flus, joffri l-ħin tiegħu fil-volontarjat. Din l-inizjattiva kienet waħda ta’ suċċess fejn f’inqas minn tliet sigħat, inġabru ’l fuq minn 80,000 siegħa—80,000 siegħa li nġabru minn 3,500 ruħ, li ġejjin minn kull sfera tal-ħajja u tas-soċjetà Maltija u Għawdxin u li ser jgħinu lil bosta għaqdiet mhux governattivi u individwi f’dak li jkollhom bżonn.

 

Matul dan il-perjodu, il-Presidenza kontinwament offriet l-appoġġ tagħha, b’diversi modi, lil numru ta’ organizzazzjonijiet u għaqdiet mhux governattivi, biex tagħti l-għarfien tal-ħidma siewja li jwettqu u tgħinhom fil-bini tal-kapaċità tagħhom.

 

Ħidma Kollaborattiva

 

Matul dan il-perjodu ttieħdu inizjattivi biex għaqdiet li jaħdmu fl-istess settur jaħdmu b’mod kollaborattiv.

 

Għal dan il-għan, il-President ħadet inizjattivi biex nediet in-National Cancer Platform li llum il-ġurnata tiġbor fiha tlettax-il għaqda mhux governattiva li kollha kemm huma jaħdmu fis-settur tal-kanċer biex dawn, filwaqt li jżommu l-identità u l-indipendenza individwali tagħhom, jaħdmu flimkien b’għan wieħed li hu dak li jkunu ta’ appoġġ olistiku għall-persuni morda bil-kanċer, il-familjari tagħhom u anke t-tfal. B’hekk ma jsirx dupplikazzjoni ta’ xogħol u ma’ jinħlewx riżorsi.

 

Il-President ħadet l-inizjattiva biex iġġib flimkien lit-32 trade union f’pajjiżna u b’hekk twaqqaf il-Forum Nazzjonali tat-Trade Unions. Barra minn hekk, il-President kontinwament tlaqqa’ fi ħdan il-Presidenza l-għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tal-priġunieri sabiex hemmhekk ukoll ikun hemm ħidma kollaborattiva għall-ġid tal-istess priġunieri.

 

 

Tfal

 

Il-President Coleiro Preca minn dejjem saħqet li t-tfal huma ċentrali għall-Presidenza. Dan jirrifletti ruħu fid-diversi inizjattivi li jittieħdu mill-Presidenza għat-tfal. Dawn jinkludu d-diversi żjarat fl-iskejjel ġewwa Malta u Għawdex fejn jiġi kkreat spazju sabiex il-President jkollha laqgħat informali mal-istudenti biex jitkellmu dwar l-aspirazzjonijiet tagħhom. Inizjattiva oħra, li reġgħet bdiet propju lbieraħ, hija The President’s Secret Garden, fejn il-ġonna privati fil-Palazz ta’ Sant’ Anton jinfetħu kull nhar ta’ Sibt u jilqgħu mijiet ta’ tfal biex jilgħabu u jkunu jistgħu jipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ tagħlim informali. Ilbieraħ, ukoll, infetħet wirja permanenti bl-isem ta’ It-Teżori tal-President fejn hemm miġbura u esebiti memorabilia li t-tfal jagħtu lill-President.

 

Il-President tagħti wkoll appoġġ kontinwu lill-għaqdiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet li jaħdmu fis-settur tat-tfal.

 

Il-Futur

 

Fl-aħħarnett, il-President tħares ’il quddiem biex tkompli tikkonsolida l-ħidma li bdiet f’dawn is-sentejn biex il-Presidenza tibqa’ qrib il-Maltin u l-Għawdxin, f’ħidma b’risq il-poplu Malti u Għawdxi.