400,200 ewro jinġabru b’risq il-Malta Community Chest Fund mill-irkant ta’ 75 vettura Volvo.

Dalgħodu waqt attività tal-irkant fil-Malta Fairs and Convention Centre f’Ta’ Qali ġew irkantati 75 vettura tat-tip Volvo li ntużaw waqt il-Valletta Summit u ċ-CHOGM.  F’din l-attività tal-irkant inbiegħu l-vetturi kollha, u b’kollox bħala qliegħ mill-vetturi, inġabru 400,200 ewro b’risq il-Malta Community Chest Fund.

 

Is-somma ta’ 400,200 ewro nġabret mill-qliegħ li sar mill-vetturi, jiġifieri d-differenza mis-somma ta’ kemm inbiegħet il-vettura u l-prezz tal-bidu tal-irkant.  Il-prezz tal-bidu tal-irkant ta’ kull vettura mar għand il-kumpanija GasanZammit, l-aġent ta’ dawn il-vetturi Volvo.

 

Il-vetturi tat-tip XC60 bdew jiġu rkantati mill-prezz ta’ 32,500 ewro, filwaqt li l-vetturi tat-tip S60 bdew jiġu rkantanti mill-prezz ta’ 30,500 ewro.   L-attività tal-irkant attirat ’il fuq minn mitt ruħ li rreġistraw biex jieħdu sehem f’din l-attività mmexxija minn Pierre Grech Pillow.

 

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca attendiet għall-attività fejn irringrazzjat lil kull min attenda għal din l-attività u lil kull min ikkontribwixxa biex saret din l-attività ta’ rkant sabiex jiġu mgħejuna dawk li jiġu bżonn il-Malta Community Chest Fund.

 

L-attività kienet mxandra dirett fuq TVM, bi preżentazzjoni ta’ Peppi Azzopardi u Amanda Ciappara.