“Dan huwa l-ispazju tagħkom – toqogħdux lura milli titkellmu u tressqu ’l quddiem dak li tixtiequ taraw. Dan huwa id-dritt tagħkom”

Dan kien il-kliem li bih il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fetħet uffiċjalment it-tieni edizzjoni ta’ The President’s Secret Garden, organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

 

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Ġnien Privat fil-Palazz ta’ San’Anton ser ikun qiegħed jiftaħ il-bibien tiegħu għat-tfal Maltin u Għawdxin biex b’hekk ikollhom spazju miftuħ u sikur fejn ikunu jistgħu jqattgħu ftit tal-ħin jilagħbu ma’ tfal oħra, filwaqt li jipparteċipaw f’diversi sessjonijiet ta’ tagħlim b’differenza.

 

Il-President spjegat kif waqt id-diskussjonijiet informali li hi jkollha fi żjarat li tagħmel fl-iskejjel, it-tfal dejjem jitkellmu dwar in-nuqqas ta’ spazji miftuħa. Kien propju dan li wassal biex is-sena l-oħra, permezz tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, saret l-ewwel edizzjoni ta’ The President’s Secret Garden, li kienet inizjattiva li niżlet tajjeb ferm mat-tfal u mal-ġenituri, kif spjega tajjeb ukoll Jerome Cachia, tifel ta 11-il sena, li s-sena l-oħra attenda għas-sessjonijiet ta’ The President’s Secret Garden.

 

“Jiena President tan-nies u allura ddeċidejt li dan m’għandux ikun il-ġnien tal-President imma jkun il-ġnien tat-tfal Maltin u Għawdxin”, tenniet il-President.

 

Din is-sena, The President’s Secret Garden għandu diversi attivitajiet b’diversi temi sabiex it-tfal ikunu jistgħu jitgħallmu b’mod informali filwaqt li jieħdu gost. Dawn huma:

 

Science in the Garden – organizzata minn S-Cubed, Għaqda tal-Istudenti tax-Xjenza. Din l-attività għandha l-għan li tqarreb it-tfal lejn id-dinja tax-xjenza, permezz ta’ esperimenti kreattivi u xjentifiċi. (Immirata għal tfal ta’ bejn 6-8 snin)

Intergeneration Activity – organizzata mid-Drama Unit. L-għan ta’ din l-attività huwa li sservi ta’ pont bejn il-ġenerazzjonijiet. (Immirata għal tfal ta’ bejn 5-6 snin)

Befriending the Sea organizzata minn The Wayfinder Project. Din l-attività tgħaqqad elementi ta’ għarfien ambjentali flimkien ma’ djalogu inter-kulturali. (Immirata għal tfal bejn 11 u 12-il sena)

Read With Me / Aqra Miegħi – organizzata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Attività li fiha jinqraw stejjer u jitkantaw nursery rhymes (Immirata għal tfal sa’ 3 snin)

The Magic of Stories / Seħer l-Istejjer – organizzata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. Matul din l-attività jinqraw stejjer b’mod animat u divertenti li jistimulaw l-immaġinazzjoni tat-tfal.  Bis-saħħa ta’ ‘Seħer l-Istejjer’ it-tfal irawmu l-imħabba għall-qari u l-kotba. (Immirata għal tfal bejn 4-6 snin)

Fuq is-sufan ma’ – attività fejn it-tfal ser ikollhom ċans jiltaqgħu mill-qrib mad-diversi Ambaxxaturi u Kummissarji Għolja residenti f’Malta. Waqt din l-attività, it-tfal ser ikunu qegħdin isaqsu diversi mistoqsijiet lill-Ambaxxaturi, jieħdu ritratti u filmati li mbagħad jittellgħu fuq is-sit elettroniku tal-Fondazzjoni. (Immirata għal tfal bejn 6 u 12-il sena)

Ċaqlaq – Organizzata minn Generation Green b’kollaborazzjoni ma’ Fundacion Mapfre. Ċaqlaq hija attività fejn it-tfal jiġu mħeġġa biex jgħixu stil ta’ ħajja sana. (Immirata għal tfal bejn 6 u 11-il sena)

Catch the Drop – Organizzata minn Generation Green. Attività li matula t-tfal jiġu mgħarrfa dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-ilma. (Immirata għal tfal bejn 8 u 12-il sena)

Weaving the Colours of Wellbeing – Attività fejn it-tfal ser jingħataw l-opportunità li jitgħallmu dwar l-arti tal-insiġ. (Immirata għal tfal bejn 7 u 11-il sena)

Play it Fair! – Attività li għandha l-għan li tippromwovi d-drittijiet umani. (Immirata għal tfal bejn 6 u 8 snin)

The Book of Wellbeing – Waqt din l-attività t-tfal ser joħolqu l-ktieb personali tal-wellbeing tagħhom. Dan il-ktieb tal-wellbeing ser jinkludi riflessjonijiet, stampi, ħolm u ideat dwar il-kunċett tal-wellbeing mill-perspettiva tat-tfal.

Għal aktar informazzjoni dwar The President’s Secret Garden jew għal reġistrazzjonijiet, il-pubbliku jista’ jagħmel kuntatt mal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà fuq in-numru 21 484 662 jew inkella billi jidħol fuq is-sit elettroniku www.pfws.org.mt.