“Din il-wirja bix-xogħlijiet tas-Sur Leonard Portelli hija ‘statement’ qawwi favur l-inklużjoni u l-abbiltajiet, u kontra l-istigma li għandha s-saħħa mentali f’pajjiżna”

Dan kien il-messaġġ tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt l-inawgurazzjoni ta’ wirja tal-arti bix-xogħlijiet tas-Sur Leonard Portelli.

Il-President appellat għal aktar ħidma favur l-abbiltajiet u kontra l-istigma, anke mill-awtoritajiet, u semmiet li laqgħet bi pjaċir l-aħbar tat-twaqqif ta’ board tad-diretturi għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali. “Nittama li jeħduna fuq livell ieħor ta’ servizzi għall-persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali fil-komunitajiet tagħna”, qalet il-President.

Il-President qalet ukoll li l-issue ta’ hospitalisation ta’ persuni li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali għandha tiġi indirizzata kemm jista’ jkun malajr, anke fid-dawl ta’ statistika mill-Eurostat li turi li Malta tinsab fl-inqas postijiet meta niġu għar-rati ta’ ġranet li matulhom persuna tkun ospitalizzata – 44.5 ġurnata, meta mqabbla ma’ Franza (5.7 ġranet), mal-Irlanda (9.9 ġranet), mar-Renju Unit (38.9 ġranet) u mar-Repubblika Ċeka (40 ġurnata). Dan jirrifletti wkoll li m’għandniex biżżejjed servizzi fil-komunitajiet tagħna, għax nafu li meta persuna tiġi istituzzjonalizzata għal ħafna żmien ifisser li ssibha diffiċli tirriabilita fil-komunità.

Madanakollu l-President faħħret ix-xogħol u l-ġid li jsiru fid-day centres għas-saħħa mentali, wara li kienu s-service users stess li qalulha li f’dawn iċ-ċentri nħolqu komunitajiet ġodda ta’ nies li minkejja li għaddejjin mill-istess esperjenzi, jagħmlu kuraġġ lil xulxin anke bis-saħħa ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom.

Fl-aħħar nett, il-President qalet li l-issue tas-saħħa mentali hi sfida kbira, imma sfida li bħala poplu u bħala awtoritajiet irridu nkomplu naħdmu fuqha bis-sħiħ.

Is-Sur Leonard Portelli twieled f’Ħal Qormi fl-1955 u emigra l-Awstralja fejn għex għal għoxrin sena f’Melbourne. Tgħallem ipitter waħdu u ilu jpitter għal dawn l-aħħar sebgħa u ħamsin sena. Fis-snin tmenin u fis-snin disgħin is-Sur Portelli kellu għadd ta’ esebizzjonijiet l-Awstralja, fin-National Art Gallery ta’ Melbourne u f’Footscray Art Centre, u anke fl-Istati Uniti tal-Amerika.

Is-Sur Portelli għex bi problemi ta’ saħħa mentali għal ħafna snin. Fi kliemu stess, is-Sur Portelli jsib refuġju fl-arti. Il-President Coleiro Preca kienet stiednet lis-Sur Portelli biex permezz tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà jagħmel użu mill-ġonna privati tal-Palazz ta’ Sant’ Anton, biex iservuh ta’ ispirazzjoni. Il-ġonna servew ta’ spazju sigur fejn is-Sur Portelli seta’ jpitter waqt li kien qed jirċievi trattament fl-Isptar Monte Karmeli. Din kienet esperjenza li għenet ħafna lis-Sur Portelli, tant li issa qed jgħix ħajja semi-indipendenti.

Is-Sur Portelli dejjem kien voċiferu dwar il-problemi tiegħu ta’ saħħa mentali matul is-snin, filwaqt li dejjem żamm pożittività f’ħajtu, tant li jgħid, “I express myself with colours. My colours are bright and beautiful. I like to say that life is beautiful and I try to share that message through my art.