“Din ir-riċerka qed turina l-ħtieġa li, rridu nkomplu noħolqu opportunitajiet biex naqsmu l-għerf ambjentali, u insaħħu r-relazzjonijiet kulturali ambjentali tagħna, biex nassiguraw il-ġid ħolistiku tagħna u l-familji tagħna”

Diskors mill-Eċċellenza Tagħha, Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, waqt it-tnedija tal-pubblikazzjoni ntitolata ‘Sharing Seeds, Sharing Life’ ppubblikata min-National Hub for Ethnobotanical Research, fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’

Huwa tassew pjaċir għalija li qed ninawgura l-pubblikazzjoni bl-isem: “Sharing Seeds, Sharing Life”.

Huwa aktar u aktar ta’ pjaċir għalija li din hija t-tieni riċerka li qed tiġi ippubblikata min-National Hub for Ethnobotanical Research fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’.

Irrid nieħu l-opportunita’ biex nagħti ħajr speċjali lis-Sur Mario Gerada li huwa l-koordinatur tal-Hub u lill-membri kollha tat-‘team’ tiegħu.  Irrid nirringrazzjakom għall-ispirazzjoni u l-passjoni li għandkom għal dan is-settur.

Jien infurmata li din il-pubblikazzjoni  hija riżultat ta’ sensiela ta’ diskussjonijiet fit-tul, ma’ l-istakeholders kollha fil-qasam ambjentali u agrikolu f’Malta.

Hija l-filosofija tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’ li noħolqu spazji safe u rispettużi fejn inġibu n-nies flimkien biex jitkellmu u jaqsmu l-idejat tagħhom.  Fil-fatt, din ir-riċerka u l-mod ta’ kif inħadmet hija evidenza ta’ kif isir ix-xogħol fil-prattika meta noħolqu opportunita’ biex nies diversi jiġu flimkien f’ambjent fejn jistgħu jitkellmu u jaqsmu flimkien, b’mod ħieles l-esperjenzi u l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Meta inġibu n-nies flimkien biex jaqsmu bejniethom u magħna l-esperjenzi tagħhom u l-aspirazzjonijiet tagħhom, inkunu qed noħolqu opportunitajiet ġodda ta’ kif naqsmu wkoll it-tagħrif u nkabbru l-għerf.  Jien inqis dan il-proġett bħala opportunita’ biex inkabbru l-għerf u nippromovu l-ħarsien u l-konservazzjoni tal-wirt naturali nazzjonali tagħna.

Aktar minn hekk din ir-riċerka hija stqarrija fiha infisha għalina u għal poplu tagħna biex naħdmu aktar biex nindirizzaw l-isfidi li għandna biex kulħadd  ikollu  aċċess għall-ikel u għal ikel bnin.

Nistgħu nassiguraw li kulħadd ikollu aċċess għall-ikel bnin f’kull ħin, meta nassiguraw li kulħadd ikun ekonomikament u finanzjarjament indipendenti.  Iżda mhux biss, jinħtieġ li ukoll naħdmu biex il-biedja jew l-agrikoltura tkun imħarsa u tkun sostennibli.

Bħala firmatarji ta’ l-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda, aħna llum bħala Poplu u bħala Stat, għandna responsabilita’ biex nindirizzaw l-isfidi li hemm biex nassiguraw dan kollu.

Fil-fatt, il-miri għall-iżvilupp sostennibbli ffirmati minn nazzjonijiet kollha tad-dinja fis-sena 2015 jqiegħdu fuqna responsabiilta’ kbira.  Il-mira numru 2 tgħid hekk, u se nikkwota:  “jintemm il-guħ, ikun hawn aċċess għall-ikel għal kulħadd u ikel bnin u nippromovu agrikoltura sostennibbli”.

Din il-mira numru 2 tfakkarna kemm il-ġid ħolistiku tal-bniedem, jew il-wellbeing tagħna huwa marbut intrinsikament jew jiddependi mis-sostennibilita’ ta’ l-ambjent tagħna.  Dan ifisser li l-ħarsien ta’ l-ambjent huwa ta’ prijorita’ għalina u għaldaqstant jinħtieġ li insostnu relazzjoni sostennibbli ma’ l-ambjent.

Bla dubju, dan kollu jfisser li ma nistgħux ninjoraw il-ġid naturali li għandna, jekk irridu ngħixu b’saħħitna, għaliex dan il-ġid naturali jiddependi fuq kemm inħarsu d-diversita’ ekoloġika tagħna.

Għaldaqstant, jinħtieġ li nagħtu l-appoġġ lill-kommunitajiet agrikoli tagħna, f’Malta u f’Għawdex.  Għaliex dawn il-kommunitajiet b’ħidmiethom qed iseddqu u jsaħħu dan il-wirt ekoloġiku kif ukoll l-karatteristiċi indiġini ta’ pajjiżna.

Hawnhekk irrid nieħu l-opportunita’ biex inħeġġeġ lill-bdiewa żgħażagħ biex ma jaqtgħux qalbhom mill-isfidi li s-settur tagħhom jiffaċċja.  Minn naħa l-oħra irrid inħeġġeġ lill-awtoritajiet tagħna biex lil dawn il-bdiewa żgħażagħ jagħtuhom l-appoġġ u s-sostenn li jinħtieġu biex jaħdmu ħalli jwettqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jgawdi l-poplu.

Din il-pubblikazzjoni qed tagħtina din l-opportunita’ biex nagħtu l-viżibilita’ mistħoqqa lis-settur u lill-bdiewa tagħna, iżda wkoll il-wirt indiġenu tagħna, kif ukoll, biex nippromovu l-prodotti agrikoli  Maltin.

Din ir-riċerka qed turina l-ħtieġa li rridu nkomplu noħolqu opportunitajiet biex naqsmu l-għerf ambjentali, u insaħħu r-relazzjonijiet kulturali ambjentali tagħna, biex nassiguraw il-ġid ħolistiku tagħna u l-familji tagħna.

Konvinta li l-istudju li qed nippubblukaw illum, se jinkoraġġixxi biex noħolqu aktar opportunitajiet fejn naqsmu flimkien, l-informazzjoni u l-edukazzjoni, dwar dan is-settur.

Din il-pubblikazzjoni titkellem dwar iż-żrieragħ u s-sinifikat kbir storiku, u kulturali li għandhom.  Il-valur taż-żrieragħ Maltin huwa imprezzabbli għall-wirt naturali tagħna.   Dawn iż-żrieragħ indiġini huma rifless ukoll ta’ l-identita’ tagħna, u dan għaliex biex irnexxielhom jgħixu fiċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna, kellhom jiżviluppaw reżiljenza speċjali, u jaddattaw  skond il-kundizzjonijiet tal-gżejjer tagħna.

Għalhekk nawgura, li din il-pubblikazzjoni issawwar fi qlub il-Maltin u l-Għawdxin, u speċjalment fi qlub iż-żgħażagħ,  imħabba u apprezzament akbar għall-ħarsien u għall-kultivazzjoni taż-żrieragħ indiġini, u għall-ambjent naturali tant prezzjuħ tagħna.

Fl-aħħarnett, nieħu l-opportunita’ biex nibqa’ infakkar lilna ‘l kbar, li għandna responsabilita’ kbira ħafna lejn il-ħarsien ta’ l-ambjent naturali ta’ pajjiżna, għaliex dan huwa misluf lilna mingħand uliedna.