Diskors mill-President Marie-Louise Coleiro Preca fil-ftuħ tal-konferenza ‘We Can, I Can’, organizzata min-National Cancer Platform fl-okkażjoni ta’ World Cancer Day 2016, Il-Palazz il-Belt Valletta, 4 ta’ Frar 2016

L-għodwa t-tajba.

 

Filwaqt li nagħti merħba lil kullħadd, nilqa’ b’mod speċjali lill-kelliema kollha ta’ din il-konferenza, fosthom dawk li ġew Malta apposta biex jindirizzawna llum.

 

Is-Segretarju Parlamentari xtaq ikun magħna iżda jinsab imsiefer.

 

Inħossni tassew kuntenta bil-preżenza ta’ tant parteċipanti f’din il-konferenza dwar il-Cancer, f’jum speċjali bħal-lum, fejn id-dinja tingħaqad flimkien biex tfakkar marda kiefra, iżda tant reali, fil-ħajja ta’ eluf ta’ nies f’pajjiżna.

 

Ir-rispons tagħkom għal din il-konferenza juri li f’pajjiżna, hemm interess, u għatx għal aktar għarfien dwar il-cancer, mill-istakeholders kollha, u għalhekk, għandna nagħmlu kuraġġ biex inkomplu naħdmu u nservu ta’ katalisti fil-ġlieda kontra l-cancer, f’Malta.

 

Irrid nibda billi nsellem lill-professjonisti kollha li jaħdmu f’dan il-qasam f’pajjiżna, u li qegħdin jieħdu ħsieb il-pazjenti tagħna. Inħeġġiġhom biex ikomplu jagħmlu l-almu tagħhom biex jippruvaw isalvaw il-ħajja tan-nies. 

 

Waqt iż-żjarat tiegħi lill-pazjenti morda bil-kanċer, dejjem jimpressjonani l-kliem ta’ tifħir għall-professjonisti, li kulħadd jgħidli. Il-pazjenti kollha jemfasizzaw kemm il-professjonisti tagħna mhux biss huma bravi iżda jieħdu ħsiebhom b’ħafna mħabba.

 

B’sodisfazzjon irrid ninnota li, matul is-snin, gvern wara l-ieħor, baqgħu jsostnu u jinvestu, fis-sistema tas-saħħa tagħna, biex illum għandna servizzi tas-saħħa fost l-aqwa li hawn fid-dinja, u dan mhux qed nistqarru jien iżda ċ-ċertifikat tagħtih l-istess Għaqda Dinjija tas-Saħħa.

 

Ilbieraħ ukoll, waqt żjara li għamilt fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, Mr Fearne, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, semma li qed titħejja National Cancer Action Plan ġdida, li se tkun tista’ tindirizza l-marda tal-kanċer b’mod l-aktar wiesa’ u ħolistiku. 

 

Fil-fatt, kif ġejna infurmati, in-National Cancer Action Plan ser taħseb biex tkopri riċerka lokali dwar il-ġenetika biex tindirizza il-realtajiet ta’ pajjiżna, u tkun tista’ tiżviluppa anke kura speċjalizzata.

 

In-National Cancer Action Plan ser tindirizza wkoll inizjattivi ta’ prevenzjoni, tkompli ssaħħaħ il-possibilità ta’ early detection permezz ta’ screening, u pjani ta’ kura u trattament komprensiv. 

Irrid ninnota wkoll l-Att li ġie approvat fil-Parlament ħmistax ilu, li ġie mressaq minn l-Onorevoli Robert Cutajar u l-Onorevoli Mario de Marco, biex jiġi stabbilit u assigurat approċċ inter-ministerjali u tul il-ħajja, li jaħdem favur l-edukazzjoni fiżika u dieta bbilanċjata u li jippromwovi s-saħħa. Dan kollu jagħtina t-tama li se jgħin biex nipprevedu kemm nistgħu l-marda tal-kanċer ukoll.

Dan huwa bla dubju, pass importanti ieħor li ser joħloq l-ambjent u l-għodda ta’ edukazzjoni u għarfien biex il-poplu jsib dak kollu li għandu bżonn biex jagħmel l-aħjar għażla għas-saħħa tiegħu.  Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw public policies li jirriflettu dawn il-ħtiġijiet.

 

Sadanittant, irrid nistqarr li, mill-esperjenza tiegħi qrib nies li jgħixu fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali, nista’ nikkonferma li fir-realtà, dawn in-nies jgħixu stil ta’ ħajja li hi ta’ dannu għal saħħithom.  Ħafna drabi, dan jirriżulta mill-kundizzjonijiet soċjali ħżiena li jgħixu fihom, u mhux mir-rieda u l-aspirazzjoni tagħhom għal ħajja denja. 

 

Dawn ir-realtajiet illum huma pruvati wkoll xjentifikament minn studji li saru matul iż-żmien, bħalma hi r-riċerka ta’ Professor Sir Michael Marmot, riċerkatur Ingliż, u oħrajn li komplew fuq l-istess linja.

 

Jien inkompli nsostni li l-kundizzjonijiet soċjali jridu jiġu indirrizati mill-policy makers, biex inkunu nistgħu nsibu soluzzjonijiet għall-prevenzjoni tal-mard, b’mod li ma jitħalla ħadd barra mill-pjani.

 

Qed nittama li din il-liġi, flimkien man-National Cancer Action Plan il-ġdida, jservu ta’ għodda li jindirizzaw ir-realtajiet soċjali li jgħixu fihom in-nies bla mezzi jew fqar u jgħinu biex jimlew il-vojt li jeżisti f’dan ir-rigward.

 

L-enfasi tal-ħidma tagħna għandha titqiegħed ukoll fuq miżuri kontra l-faqar, l-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali, bħala l-bażi sħiħa għal ħajja aħjar, ħajja aktar b’saħħitha u aktar produttiva għal kulħadd, u dan kif mistqarr mir-riċerka ppubblikata min-National Observatory for Living with Dignity, tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, dwar it-tluq bikri mill-iskola u l-wellbeing f’Malta.

 

Illum, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Kanċer, id-dinja tipprova tqajjem għarfien dwar aktar riċerka, dwar aktar miżuri preventivi, dwar aktar azzjonijiet ta’ screening, u dwar il-ħtieġa kbira ta’ early detection,  trattament, u l-kura.

 

Fil-fatt, b’sodisfazzjon kbir ninnota li, illum il-ġurnata, għalkemm ir-rata tal-inċidenza tal-kanċer kompliet tiżdied, qed naraw nuqqas fir-rata ta’ mwiet fost dawk milquta. Dan jirriżulta mill-avvanz li sar mix-xjenza, fil-kura u fit-trattament tal-kanċer. Għalhekk hija ta’ sodisfazzjon l-aħbar tal-bieraħ mis-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa li n-National Cancer Action Plan tisħaq fuq riċerka f’pajjiżna.

Sadanittant, matul ħajti, kelli l-opportunità li  niltaqa’ ma’ ħafna u ħafna nies; fejn stajt inħoss u nsegwi t-tbatija tagħhom u, għaldaqstant, kelli ċ-ċans nifhem xi ftit dak li huma għaddejjin minnu, huma u l-familji tagħhom. 

 

Iżda r-realtà tal-marda tal-kanċer ħabbatt wiċċi magħha l-aktar kemm ilni fil-Presidenza.

 

Fis-sentejn li ilni President, iltqajt, u niltaqa’ ma’ nies li jaqsmu miegħi l-esperjenzi tagħhom, jew tal-familjari tagħhom; iltqajt u niltaqa’ ma’ nies li għandhom bżonn l-għajnuna għat-trattament li jsalvalhom ħajjithom, iltqajt ma’ nies li llum m’għadhomx magħna, iltqajt u niltaqa’ ma’ nies li l-marda tal-kanċer ma kinitx biss swied il-qalb, iżda esperjenza pożittiva wkoll.

 

Dawn in-nies iħeġġuni biex inkompli naħdem biex intaffu ftit mit-tbatija tan-nies milquta mill-kanċer.

 

B’dan il-ħsieb, waqqafna n-National Cancer Platform, proprju bħal-lum sena, bl-għajnuna tas-Sinjura Maryanne Massa.

 

Kienet  ix-xewqa tiegħi li nara l-għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tal-kanċer, li filwaqt li jżommu l-identità tagħhom, jikkollaboraw flimkien fil-ħidma tagħhom għal skop wieħed; li nkabbru l-għarfien, li nedukaw, li nħeġġu t-tama, li nagħtu appoġġ, u li ngħinu lil dawk kollha morda bil-kanċer, u lill-għeżież tagħhom.

 

Irrid nistqarr li r-rispons tal-għaqdiet kollha kien wieħed mill-isbaħ, u li qawwieli qalbi mhux ftit.

 

Din is-sena, kienet learning curve għat-tlettax-il għaqda mhux governattiva fi ħdan in-National Cancer Platform. Għalkemm għadna fil-bidu, u għad fadlilna ħafna x’nagħmlu, irnexxielna nilħqu l-ewwel għanijiet tagħna, bit-tama kbira li fiż-żmien li ġej, inkomplu naħdmu biex inkabbru ħidmitna flimkien.

 

Fost l-ewwel ħidmiet b’suċċess, in-National Cancer Platform ippreżentat il-kontribut ikkoordinat tagħha lill-awtoritajiet dwar in-National Cancer Action Plan li, kif infurmati, dalwaqt ser tkun ippubblikata.

 

Irnexxielna biex ilbieraħ ftaħna uffiċjalment drop-in Centre, jew one-stop-shop, ġewwa Sir Anthony Mamo Oncology Centre, fejn il-pazjenti u l-familji tagħhom issa jistgħu jsibu l-għajnuna kollha li jeħtieġu għad-diversi servizzi offruti mill-għaqdiet qrib tagħhom.

 

Irrid nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lis-Segretarju Parlamentari, lis-CEO tal-isptar, u lill-management ta’ SAMOC, li pprovdew l-ispazju għal dan.

 

L-uffiċċju diġà jinfetaħ kuljum u huwa koordinat minn Ms Marika Fleri.

 

It-tama tiegħi issa hi li dan l-uffiċċju jintuża aktar u aktar, sabiex nilħqu aktar nies, u nikkumplimentaw ix-xogħol kbir li jsir bis-saħħa tas-servizzi li huma provduti mill-iStat, u bis-saħħa tad-dedikazzjoni, u l-kapaċità tal-professjonisti tagħna.

 

Issa niġi għal mistoqsija li konvinta ħafna jagħmlu.  X’ser iġib miegħu l-futur?

Kif konna smajna fil-konferenza tas-sena li għaddiet, studji diversi, lokali u internazzjonali, qed juru li l-ambjent huwa wieħed mill-kawżi tal-kanċer. Nafu li l-karsinoġeni ambjentali jirriżultaw fi tniġġis tal-arja u sustanzi perikolużi fil-ħamrija, fost oħrajn. Nafu l-ħsara kbira f’saħħitna li jirriżulta mill-bexx li jintuża fuq il-prodotti tal-ikel, u fil-qasam agrikolu.

 

Jien nemmen li għad fadlilna x’isir f’dan ir-rigward, kemm f’dik li hi riċerka, kif ukoll f’modi alternattivi biex inżommu prodotti tal-ikel aktar naturali. 

 

Huwa b’dan il-mod biss, li nkunu nistgħu nħarsu s-saħħa tal-poplu mhux biss mill-kanċer, iżda minn ħafna mard ieħor ukoll.

 

Għalhekk irrid nerġa’ ntenni l-appell tiegħi biex nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna, b’risq saħħitna u saħħet uliedna. 

 

Forsi bdejt fuq nota kemmxejn negattiva, iżda b’sens ta’ realiżmu. Irrid nagħlaq id-diskors tiegħi fuq nota aktar pożittiva.  Kull min qiegħed hawn huwa xhieda, li flimkien nistgħu ntaffu t-tbatija li jġib miegħu l-kanċer. Ejjew inkomplu mixjin fil-ħidma tagħna, biex inkunu ta’ sostenn, b’kull mod possibbli, għal kull min imiss ma’ din il-marda.

 

Għalhekk inħeġġiġkom biex ilkoll flimkien, kemm il-policy makers, il-professjonisti tas-saħħa, u s-soċjetà ċivili, inkomplu naħdmu għall-wellbeing tas-soċjetà tagħna, iġifieri ta’ kull persuna li tagħmel parti minn din is-soċjetà.

 

Jidher li għandna l-għodod biex naħdmu; għandna liġijiet, policies u dalwaqt strateġija ġdida, għandna servizz tas-saħħa mill-aqwa, professjonisti bravi u dedikati, u organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu bla waqfien u b’imħabba kbira. Flimkien konvinta li nistgħu naslu.

 

Nirringrazzjakom minn qalbi.