Diskors mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fl-okkażjoni tal-Premjazzjoni Papa Ġwanni XXIII għat-tjubija fil-Palazz, il-Belt Valletta

Onorevoli Prim Ministru

Onorevoli Ministru Evarist Bartolo

Onorevoli Ministru Carmelo Abela

Presidenti Emeriti

Onorevoli ‘Shadow Minister’ Robert Cutajar

Patri Dijonisju Mintoff

 

Minn qalbi nsellmilkom.

 

Inħossni onorata li għal darb’oħra qed nippresjedi ċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija.

 

Għaddiet sena minn meta ngħata l-premju lil Dylan.

 

Din is-sena għandna żagħżugħ ieħor.

 

Żagħżugħ li wkoll jgħix il-valur ta’ tjubija kuljum.

 

Żagħżugħ li juri tjubija ma’ sħabu kollha, iżda aktar u aktar, ma’ dawk sħabu bi ħtiġijiet partikulari.

Illum qed niċċelebraw it-tjubija ta’ Andrea Gerada, żagħżugħ li b’qalb kbira, għażel li jgħin lil ħaddieħor f’kull ma jkun hemm bżonn.

 

Andrea, minn qalbi nifraħlek għall-imħabba li turi lejn sħabek.

 

Jiena verament kburija bik, kif jien ċerta li huma wkoll kburin bik il-ġenituri tiegħek, sħabek tal-iskola, kif ukoll l-għalliema tiegħek, flimkien mal-Kap tal-Iskola, is-Sur Joseph Ellul. Int qed tagħmel unur lill-iskola tiegħek, il-Kulleġġ Santa Margerita Skola Sekondarja għas-Subien ta’ Bormla.

 

Bl-għemil tiegħek urejt kif aħna lkoll għandna nġibu ruħna ma’ xulxin.

 

Kif għadna kemm smajna, din l-imġiba sabiħa ta’ Andrea mhijiex okkażjoni ta’ darba, iżda Andrea ilu minn età żgħira, jgħin lil kull min ikollu bżonn.

 

 

Smajna ukoll li Andrea mhux biss qalbu tajba, iżda b’għaqal liema bħalu, ma jonqosx milli jwettaq dmiru fl-istudji u d-dmirijiet tiegħu tal-iskola.

 

Sirt naf li Andrea huwa ukoll sportiv, u jħajjar lil sħabu jieħdu sehem fl-isports.

 

Dan kollu jirrifletti x’valuri kbar u sbieħ għandu Andrea.

 

Jirrifletti wkoll it-trobbija mill-aqwa li l-ġenituri tiegħu tawh.

 

Xi tħejjija sabiħa għal ħajja ingħatajt …….. għażiż Andrea.

 

X’hemm isbaħ milli tkun taf tħobb!

 

X’hemm isbaħ minn trobbija tajba!

 

Nirringazzja minn qalbi lilkom, Sinjuri Gerada, l- ġenituri ta’ Andrea.

 

Grazzi lilek, għażiż Andrea, li rriflettejt il-valuri tal-ġenituri tiegħek pemezz ta’għemiltek.

 

Inti verament mudell għal sħabek tal-klassi u għalina ‘l kbar ukoll.

 

Dan l-avveniment ta’ kull sena jfakkarna li jridu jkunu l-iskejjel tagħna li jservu bħala ċentri għall-edukazzjoni għall-paċi fi ħdan is-soċjetà Maltija.

 

Trid tkun l-edukazzjoni għall-paċi u l-edukazzjoni għat-tjubija li tiżra ż-żerriegħa tad-dinjità umana fil-komunitajiet tagħna.

 

Nieħu l-okkazzjoni biex nappella liż-żgħażagħ tagħna jiżguraw li din iż-żerriegħa tikber b’saħħitha, biex tħalli l-frott mixtieq, ħalli pajjiżna jibqa jħaddan poplu li jkun nazzjon li jħobb il-paċi.

 

Liż-żgħażagħ Maltin nappellalhom ukoll biex jikkultivaw kultura ta’ dinjità, u rispett lejn xulxin, biex ikollna soċjetà verament inklussiva, ibbażata fuq il-valuri tar-rispett, tat-tolleranza u tal-paċi.

 

Dan għaliex fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, faċli li n-nies iħossu li ma għandhomx il-ħin, biex jieqfu u jaħsbu, dwar dawn il-valuri.

 

Il-pass mgħaġġel tal-ħajja li qed ngħixu fiha, ifisser li se tkun dejjem aktar diffiċli, li nsibu ftit ħin biex nieqfu, u naħsbu dwar it-tifsira tal-azzjonijiet tagħna.

 

Jinħtieġ li lkoll nsibu spazji fil-ħajja tagħna, mumenti li jippermettulna nirriflettu fuq l-għażliet li nkunu se nagħmlu jew li għamilna, u l-effett tagħhom fuq ħajjitna u ħajjet ħaddieħor.

 

Jinħtieġ inqisu wkoll l-impatt li t-teknoloġija qed ikollha fuq il-ħajjietna.

Illum qed inqattgħu aktar mill-ħin tagħna, fuq l-internet fejn nużaw il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali u għodda oħra diġitali biex nikkommunikaw bejnietna.

 

Dan l-fatt jitlob minna aktar edukazzjoni dwar kif nużaw din it-teknoloġija, b’mod li jkun rispettuż u dinjituz.

Jinħtieġ li nitgħallmu li filwaqt li t-teknoloġija tatna l-opportunità biex nħaddmu aktar u aħjar d-dritt għall-espressjoni, iżda dan ma jfissirx li għandna d-dritt li nuzawh b’mod bla regoli u bla etika.

 

Naħseb li hemm mistoqsija importanti li jinħtieġ li lkoll nistaqsu lilna nfusna f’dan il-mument:

Għaliex it-tjubiija fil-bniedem saret rari?

 

X’ġara mit-tjubija bħala valur li jiggwida l-ħajja tagħna individwali u kollettiva?

 

It-tip ta’ tjubija li għandi f’moħħi mhijiex sentimentali jew superfiċjali.

 

Hija valur profond.

 

Hija l-kwalità ta’ tjubija li ġġiegħlna naħsbu mhux biss fil-ħajja immedjata tagħna, iżda wkoll fil-komunitajiet fejn ngħixu, iġġegħlna naħsbu f’ħaddieħor kif għamel Andrea.

 

It-tjubija bħala valur iġegħlna nistaqsu b’liema modi l-ħajja tagħna tista’ tirrifletti l-valur tad-diċenza, tat-tolleranza u tar-rispett.

 

Fil-ħsieb tiegħi dwar il-valur tat-tjubija, jiġini f’moħħi l-eżempju li qed nagħtu aħna l-kbar liż-żgħar tagħna.

 

Hawnhekk insellem lilek, Patri Dijonisju li, għal dawn l-aħħar 42 sena, ħadt l-iniżjattiva biex tippremja t-tjubija fiż-żgħażagħ tagħna.

 

Int kont li waqqaft il-Laboratorju tal-Paċi, li kien, u għadu, t-tarka għal ħafna nies b’diffikultajiet kbar u sfidi soċjali li, minn żmien għal żmien, jitfaċċaw fil-komunitajiet tagħna.

 

B’sodisjazzjoni ninnota li l-Laboratorju tal-Paċi, b’kuraġġ u determinazjoni liema bħala, baqa jimraħ f’kull rokna u qasam tas-soċjetà tagħna biex, mil-limitazzjonijiet tiegħu, jisma’ u jgħin, u jagħmel id-differenza fil-ħajja, mhux biss tal-Maltin u l-Għawdxin, iżda wkoll, ta’ ħafna minn dawk li jaslu fi xtutna.

 

Għażiż Patri Dijonisju, is-sabiħ tal-Laboratorju tal-Paċi narah ukoll fil-fatt li ma kontx kuntent biss li tagħti l-ħuta li minn jirrikorri għandek, ridt ukoll tgħallem lil kull minn jista’, biex ikun kapaċi jistad, u b’hekk, ittejjeb il-ħajja tal-individwi u familji, mhux biss għal jum wieħed, iżda wkoll għal ħajjithom.

 

Fil-fatt, il-Laboratorju tal-Paċi nistgħu ngħidu li huwa ċentru ta’ edukazzjoni, mhux biss tal-moħħ, iżda ukoll ta’ edukazzjoni tal-qalb.

 

Minn qalbi nirringrazzjak, Patri Dijonisju, u t-tim tiegħek, ta’ kull ma tagħmlu ma’ ħutna fil-bżonn, huma minn huma.

 

Fl-aħħarnett, irrid nistqarr li t-tama tiegħi hija fil-ħila taż-żgħażagħ tagħna bħal Andrea, li kapaċi bi tjubithom, iġibu aktar għaqda, aktar ftehim, aktar rispett u dinjità lejn nies li jistħoqqilhom gustizzja u aktar paċi fil-komunitajiet tagħna, f’pajjiżna u fid-dinja.

Nawguralkom saħħa, ġid u paċi dejjiema.

 

Grazzi minn qalbi.