Diskors mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca waqt iċ-ċerimonja tal-għeluq tal-proġett minn Fomm il-Bormliżi – L-istejjer tal-Komunita’ Bormliża mtella’ mill-Forum Komunita’ ta’ Bormla u l-Fondazzjoni Valletta 2018

Insellmillkom.

Inħossni onorata bl-istedina tagħkom biex flimkien niċċelebraw l-għeluq ta’ proġett li żgur kien għal qalb kull minn ta’ sehmu biex jiżgura li l-proġett jirnexxi, kif ukoll kull min ipparteċipa fih.

Meta bdejt naqra dwar dan il-proġett, laqatni b’mod partikolari l-fatt li sa mill-bidu tiegħu, f’dan il-proġett kienet tisboq l-għaqda; ftehim fost l-għaqdiet, in-nies ta’ Bormla u entitajiet li jaħdmu fost il-Bormlizi biex il-proġett ikun suċċess.

Jidher biċ-ċar li dan il-proġett irnexxa l-ewwel nett bis-saħħa tal-għaqda u tal-ħeġġa tal-membri kollha li ffurmaw il-Forum Komunità Bormliża, bl-għan ewlieni jkun l-għaqda fil-komunità.

Napprezza ħafna x-xogħol siewi li għamel il-Forum Komunità Bormliża, biex ikun mezz kif kull resident Bormliż jissaħħaħ fl-edukazzjoni, fix-xogħol u fil-kwalità ta’ ħajja aħjar, u b’hekk iwassal għar-riġenerazzjoni u l-kisba tar-rispett li jistħoqqilha l-Belt Bormliża.

Iżda fuq kollox, ma nistax ma nfaħħarx l-għan aħħari tal-Forum, li jidher li kien li jitnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali fost in-nies ta’ din il-belt, u r-residenti jkunu jistgħu jissaħħu u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Jien nemmen li, għalkemm il-proġett innifsu ser jiġi fi tmiemu llum, il-pjani li twieldu minnu għandhom jixprunaw pjan ta’ azzjoni lokali biex jitkattru s-solidarjetà, it-tagħlim, l-opportunitajiet ta’ mpjiegi xierqa, l-ispazji għaż-żgħażagħ fejn jiltaqgħu, it-titjib fl-ambjent u l-għarfien tal-wirt storiku Bormliż, fost oħrajn.

Ma ninsewx li, f’kull komunità, ikun hemm min ikollu bżonn ftit għajnuna aktar biex jitla’ t-tarġa li tkun qed iżżommu milli jibda jgħix ħajja aħjar.

Ħafna drabi, din l-għajnuna tkun f’forma ta’ affarijiet bażiċi, bħal tagħlim għal trobbija aħjar tal-ulied, jew taħriġ fil-komunikazzjoni aħjar fi ħdan il-familja.
Naf ukoll li ħadtu ħsieb il-kultura, ukoll permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-iskola Primarja ta’ Bormla fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita, li llum il-ġurnata hija parti mill-komunità Bormliza, il-Każin tal-Banda San Ġorġ ta’ Bormla u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni, fejn ser ikun offrut programm ta’ tagħlim fid-drama u ż-żfin, u tagħlim tal-mużika bl-istrumenti tal-banda.

Nieħu pjaċir nara wkoll li l-anzjani żammejtuhom fiċ-ċentru ta’ din l-iniżjattiva, fejn nedejtu programm ta’ assistenza lill-anzjani li jgħixu waħedhom.

F’isem l-anzjani kollha ta’ Bormla, nirringrazzjakom talli ma ħallejtux lill-anzjani weħedhom fil-faqar, mhux biss materjali, imma aktar u aktar, fil-faqar soċjali.

Hawn nixtieq insemmi li, anke fid-djar fejn jgħixu in-nies; ħafna nies tant għandhom faqar, li żgur ma jistgħux jgħixu ħajja dinjituża.

Għalhekk, ix-xogħol li sar biex il-housing sub-standard jiġi rranġat huwa imprezzabli, u jien nawgura li tkomplu f’din il-ħidma tant bżonjuża sabiex, fl-aħħar mill-aħħar, kull resident ta’ Bormla jkun qed jgħix f’ambjent li jixraq lill-bniedem.

Jien nemmen ukoll li pjan fit-tul irid ikollu mħasses fih element ta’ taħriġ u tagħlim, biex ma nkunux qed nagħtu biss il-ħuta u nitimgħu lil dak li jkun, iżda nagħtu wkoll il-qasba u taħriġ biex wieħed jistad. Nawgura li l-inizjattiva li ħadtu mal-MCAST tkompli, u tibqa’ sostenibbli, biex iż-żgħażagħ jinqalgħu min-nassa tal-faqar billi jissaħħu fil-ħiliet vokazzjonali u ta’ snajja’ permezz ta’ taħrig qabel jibdew jaħdmu u jkomplu fil-postijiet tax-xoghol tagħhom, u jekk jista’ jkun, matul il-ħajja.

Nifraħ lill-MCAST, li fir-realtà jinsab fuq l-għatba ta’ din il-belt, tal-kollaborazzjoni kontinwa li qed jipprovdi lin-nies ta’ Bormla, permezz tal-kunċett ta’ Work-Based Learning.

Fl-aħħar, iżda mhux l-anqas, nawgura li x-xogħol li qed isir mhux biss ineħħi l-istigma li jħoss kull min jgħix f’Bormla, iżda li terġa’ tibda tinħass u jiġi apprezzat il-wirt ta’ esperjenzi ta’ dawk kollha li kkontribwew b’xi mod jew b’ieħor, f’xi aspett mill-ħajja soċjokulturali ta’ Bormla.

Jien inħossni kburija bil-kuraġġ u l-impenn li dħaltu bihom intom ż-żgħażagħ biex dan il-proġett ikun suċċess.

Inħeġġiġkom li ma tqisux iċ-ċelebrazzjoni tal-lum bħala t-tmiem ta’ kollox, iżda għandu jkun il-bidu biex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni ma’ għaqdiet fi ħdan din il-belt.

B’hekk il-ħidma tal-Bormlizi tkun imxandra u apprezzata f’pajjiżna.

Inħeġġiġkom ukoll li tkomplu tkattru l-istorja ta’ din il-belt storika u importanti fl-istorja ta’ pajjiżna permezz tal-kitba, u rakkonti, li tibqa’ tul iż-żmien u ssir parti mill-istorja hi ukoll.

Nawguralkom ħafna u ħafna affarijiet sbieħ, għalikom u għal uliedkom, ħalli anka bħala Maltin inkunu kburin b’waħda mill-eqdem bliet tagħna, li iġġarrfet daqstant waqt żminijiet koroh, u issa uliedha jkunu jistgħu jgħixu ħajja denja, kif tassew jixraq lil kull Malti u Għawdxi.

Nawguralkom minn qalbi.