Diskors mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt il-ftuħ tal-mużew postali

Honourable Ministers
Excellencies
Distinguished Guests
Mr Joseph Said

It is indeed an honour to join you today to celebrate this memorable occasion.

The opening of a Postal Museum is a landmark in the political, economic, social and cultural history of the Maltese people.

It is a journey through the way people have communicated along the years and depicting the context of time.

A prominent Maltese philatilist, the late Anthony Fenech, once told me, ‘Every stamp, every letter, tells a human story.’

With this thought, I will continue my contribution in Maltese.

Nibda billi nifraħ lill-MaltaPost ta’ l-idea li jitwaqqaf dan il-mużew, li ser iservi ta’ monument ħaj ta’ l-istorja tas-serviżżi postali ta’ pajjiżna.

Jiena żgura li dan il-mużew huwa r-riżultat ta’ ħafna snin ta’ dedikazzjoni u xogħol bla heda, ta’ kull minn kien involut fl-iżvilupp tiegħu, matul il-proċess.

Huwa xhieda tal-entużjażmu u l-passjoni tal-individwi, li għalihom il-konservazzjoni tal-wirt tagħna hija kwistjoni ta’ importanza ewlenija.

Nirringrazzja minn qalbi lil-Maltapost għal dan l-ispazju ġdid, li jirrifletti l-istorja ta’ Poplu, zgħir fin-numru, iżda kbir fl-identità u l-karattru tiegħu.

Ninsab ċerta li l-membri tal-pubbliku, ta’ kull età, se jgawdu l-opportunità li jiskopru l-istorja tas-servizzi postali tagħna, permezz ta’ kull m’hawn esebit hawnhekk, iżda wkoll, esperjenza unika dwar min aħna.

Bla dubju, il-ġabra ta’ dak kollu esebit hawn, jirrifletti xogħol bla waqfien tul għexieren ta’ snin, li llum dan ix-xogħol tas-servizzi postali sab post bħala parti mill-patrimonju storiku tal-gżejjer tagħna.

Dan il-Muzew se joffrilna wkoll opportunità mill-aqwa biex nitgħallmu aktar dwar l-identità nazzjonali tagħna, tul il-medda taż-żmien.

Is-sistema postali ġiet introdotta għall-ewwel darba f’Malta fil-bidu tas-Seklu Tmintax, meta l-ittri tal-Kavallieri ta’ Malta kienu jintbagħtu madwar l-Ewropa u d-dinja.

Probabbli, l-aktar ittri famużi minn dan il-perjodu, kienu dawk skambjati bejn il-Granmastru Emmanuel de Rohan u Benjamin Franklin, Missier u Fundatur tal-Istati Uniti.

Ittri li kienu jesprimu r-rispett u s-simpatija reċiproka tagħhom għall-kawża tal-libertà fl-Amerka.
Kemm inbidlu l-affarijiet illum!

Aktar inqattgħu ħin fuq l-internet, fejn nużaw il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali u għodda oħra diġitali, biex nikkumunikaw b’kull mod.

Infurmata li l-esebiti f’dan il-mużew se jagħtuna l-opportunità biex nesploraw l-istorja tagħna bħala Poplu, u li tibda bil-perjodu tal-kavallieri u kompliet, permezz taż-żminijiet kolonjali, sal-preżent.

Il-viżitaturi f’dan il-muzew se jkollhom l-opportunità wkoll li jiskopru l-evoluzzjoni tal-komunikazzjoni, u jitgħallmu dwar id-diversità meraviljuża tal-bolol postali.

Din il-kollezzjoni nazzjonali se tipprovdi wkoll spazju uniku fejn l-akkademiċi, ir-riċerkaturi, u l-viżitaturi jistgħu jesploraw il-filatelija Maltija, l-operazzjonijiet postali, u l-elementi tal-istorja soċjali tagħna.

Nieħu din l-opportunità biex nirrikonoxxi wkoll il-kontribuzzjonijiet kbar li saru minn artisti bravi Maltin, li bix-xogħol prolifiku tagħhom, taw karattru verament nazzjonali għall-bolol Maltin.

Jiena nħossni kburija bil-fatt li l-istorja ta’ Malta, u l-ħajja politika, ekonomika, soċjali, u kulturali tal-poplu tagħna, se jkomplu jingħataw viżibilità u kkommemorati permezz ta’ dan il-mużew.

Nittama li, permezz tal-preservazzjoni ta’ dan il-wirt, il-Mużew Postali jagħti lill-poplu ta’ Malta u Għawdex, kif ukoll lill-viżitaturi u turisti, aktar opportunitajiet biex jiskopru u jiċċelebraw dan il-wirt għani tagħna.

Grazzi.