Diskors mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, waqt it-tnedija ta’ pubblikazzjoni intitolata ‘The Global Goals: Snapshots from Malta’

Sinjuri Distinti,

 

Huwa bi pjaċir kbir li ninsab hawn illum, biex nagħlaq din id-diskussjoni dwar suġġett li tant nemmen fih.

 

Fil-qalba tiegħu, dan is-suġġett iħaddan prinċipji li, sa mill-bidu nett,  kienu l-ispirazzjoni ewlenija tax-xogħol ta’ din il-Presidenza.

 

Eżattament bħal dan iż-żmien sena ilu, kont indirizzajt is-Summit tal-Ġnus Magħquda dwar il-Miri għal Żvilupp Sostenibbli fi New York, flimkien ma’ Kapijiet ta’ Stati u mexxejja dinjija.

 

L-avveniment tas-sena l-oħra, kien mument storiku importanti, li fih il-mexxejja tad-dinja wieġbu għas-sejħa li saritilhom għal politika ta’ solidarjetà soċjali globali.

 

L-iffirmar mill-mexxejja kollha tad-dinja, favur il-Miri għal Żvilupp Sostenibbli, kien mument importanti għax kien, u hu, maħsub li jsaħħah l-impenn ta’ kulħadd biex,  sal-elfejn u tletin (2030),   jitwettqu tliet għanijiet ewlenin,  jiġifieri:  it-tmiem tal-faqar, it-trażżin tat-tibdil tal-klima u l-ġlieda kontra l-inġustizzja u l-inugwaljanza.

 

Is-sena li għaddiet, tfassal pjan komprensiv biex fuq medda ta’ ħmistax-il sena, jintlaħaq kull wieħed mis-sbatax-il għan tal-Miri għal Żvilupp Sostenibbli li għandhom l-għan li jilħqu lil kull bniedem u bniedma f’kull rokna tad-dinja.

 

Il-mexxejja dinjija impenjaw ruħhom għal dan il-pjan.

 

Impenjaw ruħhom biex jagħrfu l-ħtieġa urġenti  ta’ komunitajiet inklussivi u sostenibbli.

Impenjaw ruħhom favur il-ħolqien ta’  ambjent ta’ djalogu sinifikattiv u importanti, bejn il-bnedmin u l-ġnus.

Impenjaw ruħhom favur l-għarfien u r-rispett għad-diversità.

Impenjaw ruħhom favur id-dinjità u r-rispett lejn kulħadd.

 

Dan kollu huwa t-twemmin u l-missjoni li fuqha nbniet il-Fondazzjoni tiegħi għall-Ġid tas-Soċjetà.

 

Missjoni, li fil-qofol tagħha, hija msawra biex toħloq spazji sikuri (safe) għal djalogu sinifikattiv, li jirrispetta l-opinjoni u l-fehma ta’ kulħadd.

 

Waqqaft din il-Fondazzjoni f’Ġunju tal-elfejn u erbatax (2014), u, sa  minn dak iż-żmien, ħadmet biex tlaqqa’ flimkien għadd kbir ta’ nies, biex tiffaċilità l-qsim ta’ ideat dwar kif il-ġid jista’ jitkabbar, u jitrawwem, u jissaħħaħ fil-komunitajiet tagħna.

 

Illum sar aktar kruċjali u essenzjali, li dawn id-diskussjonijiet jiffukaw fuq it-twettiq tal-Miri għal Żvilupp Sostenibbli, biex niżguraw li l-veru ġid jilħaq b’mod ugwali u ġust lil kulħadd.

 

Għal dan il-għan, il-Fondazzjoni tiegħi, permezz tal-Osservatorju għal Għijxien Xieraq, (Observatory for Living with Dignity) minn żmien għal żmien qajmet diskussjonjiet dwar l-għarfien, is-sustanza u l-progress, fit-twettiq tal-Miri għal Żvilupp Sostenibbli.

 

Dan il-proċess beda f’April li għadda, permezz ta’ workshop li kien jinkludi preżentazzjonijiet dinamiċi dwar kull waħda mis-sbatax-il Mira għal Żvilupp Sostenibbli.

 

Dawn il-preżentazzjonijiet issa nġabru kollha f’daqqa f’pubblikazzjoni li qed titnieda hawnhekk illum bl-isem ta’ “The Global Goals: Snapshots from Malta”, bil-għan li nkabbru l-għarfien, u nedukaw, u nfiehmu, Ii l-Miri għal Żvilupp Sostenibbli, mhux diskors għal bejn il-ħitan fil-Ġnus Magħquda, iżda qafas li fuqu trid tinbena, u tiġi implementata, politika dinjija, reġjonali u nazzjonali, għal kull pajjiiż.

 

Għalhekk, din il-pubblikazzjoni qed titqassam bit-tama li d-diskors dwar il-Miri għal Żvilupp Sostenibbli jmur oltre dak li ġie diskuss matul ix-xhur li għaddew, u hawnhekk illum.

 

Il-frott ta’ dawn id-diskussjonijiet jeħtieġ li jitmexxa ‘l quddiem u jingħata għarfien, iżda wkoll jgħin bħala gwida fl-iżvilupp ta’ politika komunitarja u nazzjonali, imħaddna minn kulħadd, u lil hinn mill-politika tal-partiti, iżda politika li tkun fl-aqwa interess tal-poplu tagħna kollu, u tal-umanità.

 

Biex dan iseħħ, jinħtieġ li aħna lkoll nagħmluhom tagħna, bħala pjan urġenti u ambizzjuż li jista’ jaħdem biss jekk ikun pjan għal kulħadd u bis-sehem ta’ kulħadd.

 

Illum tlabniekom tiġu għal din id-diskussjoni  biex ixxandru dawn il-miri ma’ kullimkien,   biex tħeġġu lil kulħadd ħalli flimkien, bħala komunitajiet, u bħala poplu, naħdmu għat-twettiq tagħhom.

 

Dan huwa d-dmir ta’ kull wieħed u waħda minna, tal-politiċi tagħna, tal-istituzzjonijiet u tas-soċjetà ċivili, lejn il-Maltin u l-Għawdxin u l-umanità li aħna lkoll nagħmlu parti minnha.

Dan huwa dmir li ma nistgħux ma niħdux bis-serjetà.

 

Filwaqt li kull waħda minn dawn il-miri hija tal-akbar importanza, id-diskussjoni tal-lum saħqet fuq il-Miri numri wieħed u tnejn, hekk kif qed inħejju biex infakkru l-Jum Dinji tal-Ikel u l-Jum Internazzjonali Kontra l-Faqar, li t-tnejn li huma jiġu osservati fi ftit jiem oħra.

 

Dawn iż-żewġ Miri għandhom l-għan li jindirizzaw uħud mill-agħar manifestazzjonijiet ta’ inugwaljanzi soċjali li jeżistu u li huma wkoll l-aktar persistenti.

 

Bla dubju ta’ xejn, ma nistgħux inħallu l-inugwaljanzi soċjali li jezistu kullimkien fid-dinja, għaddejjin qisu mhu qed jiġri xejn.

 

Kull jum li jgħaddi,  bnedmin qed ikunu mċaħħda mid-drittijiet fundamentali tagħhom minħabba l-faqar u n-nuqqas ta’ ċertezza ta’ sorsi ta’ ikel, li t-tnejn flimkien iqegħduhom f’sitwazzjoni ta’ tbatija u inġustizzja, bla ebda tama ta’ xejn għal ħajja bażika diċenti.

 

Dawn l-inugwaljanzi soċjali joħolqu bejta perikoluża fejn l-esklużjoni soċjali tinħoloq u titrawwem.

Dawn l-inugwaljanzi soċjali joħolqu esklużjoni soċjali li tnawwar il-fibra soċjali u morali tagħna u tal-umanità kollha.

Dawn l-inugwaljanzi soċjali joħolqu theddida mill-aktar serja għall-ġustizzja soċjali u d-dinjità umana.

 

Jinħtieġ li naħdmu b’saħħitna kollha favur l-inklussività, li hija l-qofol tal-Miri għal Żvilupp Sostenibbli.

 

Jinħtieġ li ninpenjaw ruħna, kollha kemm ahna, biex  inkunu s-sostenituri tal-paċi u l-ġid ta’ kulħadd, f’ħidma konsistenti favur id-dinjità umana, l-integrità  u l-ħelsien.

 

Il-Miri Globali llum huma magħrufa u approvati  b’mod wiesa’.

 

Issa jmiss li aħna wkoll nissieħbu f’din il-bidla globali, u niffukaw l-enerġija tagħna fuq azzjoni effettiva, biex niksbu r-riżultati.

 

Għalhekk, inħeġġiġkom u nappellalkom, biex  tkunu parti minn din il-bidla globali, billi kull wieħed u waħda minna, nagħmlu dawn il-Miri Globali, il-miri personali tagħna wkoll.