Edizzjojni suċċess għal Paqpaqli għall-Istrina-turija oħra ta’ solidarjeta

 

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca żaret l-attività Paqpaqli għall-Istrina fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fiż-żona tal-Lufthansa Technik.

 ​Il-President kienet milqugħa mis-Sur Tonio Darmanin, il-moħħ wara dan l-avveniment, li għal dawn l-aħħar disa’ snin sar parti importanti mill-kalendarju ta’ kull entużjast tal-karozzi, muturi u sewqan in ġenerali.  Din is-sena, dan l-avveniment, laħaq ammont rekord ta’ parteċipanti.

 Il-President żaret iż-żoni kollha ta’ din l-attività li inkludew Stunt Show mill-karozzi tar-Rapid Intervention Unit tad-Dipartiment tal-Pulizija, minn helikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta, mis-sezzjoni tat-tifi tan-nar u minn stuntmen Maltin. Hija daret ukoll l-ammont rekord ta’ karozzi statiċi li kien hemm esibiti fi tlett żoni, kif ukoll il-kompetituri tas-Soapbox Competition li saret għall-ewwel darba f’Malta. F’din il-kompetizzjoni, gruppi ta individwi ġew mitluba li jibnu vettura mhux mekkanizzata biex ikunu jistgħu itellqu biha.  Din intlaqgħet b’mod pożittiv minn dawk li ħadu sehem, li inkludew ukoll għadd ta’ gruppi minn kumpaniji privati.

Il-President kellha wkoll l-opportunità li tieħu l-hekk imsejħa Dream Ride ġo waħda mill-karozzi tal-ħolm. L-għażla waqgħet fuq karozza tal-mudell Porsche. Is-Sur Preca, li kien qiegħed jakkumpanja lill-President waqt din iż-żjara, għażel li jpoġġi fil-post tas-sewwieq u saq wieħed mill-aħħar mudelli tal-Porsche tul ir-runway kollha.

F’diskors qasir tal-okkażjoni, il-President irringrazzjat lil dawk kollha li kienu involuti fl-ippjanar ta’ l-attività li ħadmu għal mill-inqas sitt xhur biex l-attività tkun suċċess. Hi kellha kliem ta’ ringrazzjament ukoll għal dawk li għażlu li jesibixxu il-vetturi tagħhom, għal dawk li taw is-sehem tagħhom fl-attivitajiet differenti ta’ Paqpaqli għall-Istrina, għall-forzi tas-sigurtà u għal poplu Malti u Għawdxi li ikkonkorra u attenda din l-attività. Hija saħqet li dawn kollha flimkien huma l-formola ideali biex Paqpaqli għall-Istrina 2014 tkun suċċess kbir.

 Fl-aħħar tad-diskors, il-President ta’ Malta fakkret ir-raġuni għalfejn kienet qiegħda issir l-attività. Hija qalet li għalkemm dawk li kienu preżenti kienu hemm biex jieħdu gost, huma kienu hemm ukoll biex juru solidarjetà ma’ ħutna Maltin u Għawdxin li ma setgħux ikunu preżenti għax għaddejjin minn perjodu ta’ mard. Hija tenniet dak li kienet qalet wara il-President’s Fun Run fejn qalet li hija kburija bil-poplu Malti u Għawdxi li huwa distint fid-dinja, distint għall-generożità, għas-solidarjetà u għall-valur mill-akbar ta’ l-imħabba, li jiġi trażmess f’solidarjetà mill-aqwa.

Jakkumpanja lill-President kien hemm żewġha s-Sur Edgar Preca. Aktar tard ingħaqdu ukoll is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Chris Agius u l-Whip Parlamentari ta’ l-Oppożizzjoni David Agius.