“Ejjew inkomplu npoġġu l-ġid tat-tfal kollha u d-drittijiet tagħhom għall-parteċipazzjoni sħiħa u ħielsa fl-ewwel post, għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-futur.”

“Ejjew inkomplu npoġġu l-ġid tat-tfal kollha u d-drittijiet tagħhom għall-parteċipazzjoni sħiħa u ħielsa fl-ewwel post, għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-futur.”

 

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca lbieraħ indirizzat diskussjoni pubblika ntitolata ‘Isma ħa ngħidlek: Lejn iżjed għarfien tad-dritt għall-parteċipazzjoni tat-tfal b’diżabilità’. Din id-diskussjoni ġiet organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, b’rabta mal-pubblikazzjoni ‘The Disabled Child’s Participation Rights’, miktub minn Dr Anne-Marie Callus u Dr Ruth Farrugia.

 

Il-President Coleiro Preca qalet li “dan il-ktieb huwa sors essenzjali għall-akkademiċi, studenti u professjonisti, kemm f’Malta kif ukoll ‘lil hinn minn xtutna”; dan għaliex, għall-ewwel darba qed isir fokus innovattiv fuq id-drittijiet tal-parteċipazzjoni tat-tfal b’diżabilità. Il-President qalet li qed tieħu gost li d-drittijiet umani tat-tfal b’diżabilità qegħdin, sa fl-aħħar, jingħataw l-attenzjoni li tant jixirqilhom, hekk kif il-ktieb jiffoka fuq kwistjonijiet dwar il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-ħajja fid-dar u r-relazzjonijiet m’oħrajn.

 

Fid-dawl tal-fatt li Dr Anne-Marie Callus u Dr Ruth Farrugia bbażaw ir-riċerka tagħhom fuq id-dritt ta’ parteċipazzjoni li jinsab f’Artiklu 12 tal-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tat-tfal, l-Eċċellenza Tagħha qalet li “huwa biss meta nimplimentaw kompletament din il-Konvenzjoni, li naslu biex ikollna inklużjoni sħiħa u l-parteċipazzjoni effettiva u sostenibbli  tat-tfal kollha”.

 

Il-ktieb, ‘The Disabled Child’s Participation Rights’, ipoġġi mistoqsijiet diffiċli u diretti dwar kif bħala soċjetà rridu noħolqu ambjenti fejn it-tfal b’diżabilità jiġu mħeġġa jifhmu x’inhuma d-drittijiet tagħhom, u jiġu appoġġjati biex ikollhom aċċess għalihom.

 

“Hemm diversi forom ta’ diżabilità, u kull waħda minnhom għandha tippreżenta sfida fuq il-mod ta’ kif it-tfal b’diżabilità jipparteċipaw.”

 

Il-President qalet li din kienet ir-raġuni li Dr Callus u Dr Farrugia jenfasizzaw li rridu nkunu sensittivi għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ kull tifel u tifla, billi nrawwmuhom u nirrispettawhom fid-dinjità tal-individwalità tagħhom.

 

Il-President Coleiro Preca qalet li “huwa d-dmir ta’ kulħadd; kemm dawk li jfasslu l-politika nazzjonali, kemm l-edukaturi, u kemm il-professjonisti, li nassiguraw li l-parteċipazzjoni ta’ kull tifel u tifla fis-soċjetà tagħna tkun meqjusa u aċċettata bħala dritt fundamentali. Meta ngħarfu u nsaħħu d-drittijiet ta’ uliedna, nkunu qegħdin inħarsu bl-aqwa mod id-demokrazija tagħna. Inkunu wkoll qed nassiguraw li verament irridu ngħixu f’soċjetà inklussiva, fejn kull membru tal-istess soċjetà jkun mogħti l-aqwa dinjità li jixraqlu”.

 

Il-President qalet li mhuwiex aċċettabli li wħud minn uliedna, minħabba diżabilità, jiġu esklużi minn ċerti stadji tas-sistema edukattiva tagħna, jew inkella ma jkollhomx biżżejjed opportunitajiet addattati biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

 

Saħqet li mhuwiex aċċettabbli li jkollna mqar wild wieħed b’diżabilità li ma jkollux aċċess għal trattament mediku partikolari, jew ma jintweriex biżżejjed fid-dar, fl-iskola, jew fil-komunità.

 

“Grazzi għax-xogħol ta’ Dr Callus u Dr Farrugia, permezz ta’ dan il-ktieb, fl-aħħar qegħdin nistaqsu mistoqsijiet importanti.”

 

Il-President Coleiro Preca qalet li dan il-ktieb qed igiegħlna nistaqsu mistoqsijiet li jinkludu:

 

“Kif nistgħu nħeġġu l-bżonn għal aċċess ta’ sistema ġudizzjarja li tħaddan lit-tfal kollha?

 

Kif nistgħu ntejjbu l-aċċess għall-parteċipazzjoni soċjali u ċivika, ħalli t-tfal u ż-żgħażagħ kollha jħossuhom parti mis-soċjetà tagħna?

 

Kif jistgħu s-soċjetà ċivili u l-gvernijiet eżekuttivi jaħdmu flimkien biex jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda fuq id-Drittijiet tat-Tfal, u l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, biex nassiguraw il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd, u li jkollna soċjeta’ tassew inklussiva?”

 

Il-President qalet li l-ġustizzja hija l-pedament tad-demokrazija tagħna, u tirrikjedi t-trattament ġust u imparzjali fil-konfront ta’ kulħadd. Il-President qalet li ġustizzja effettiva ma tistax tagħmel differenza bejn l-aċċess li jkollha persuna b’diżabilità u persuna mingħajr diżabilità.

 

Id-diskussjoni pubblika saret fil-Palazz, il-Belt Valletta.