F’Għawdex, il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’ tfakkar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tal-Ġnus magħquda dwar id-drittijiet tat-tfal

 

Dalgħodu f’attività organizzata fill-Kulleġġ Sir Michael Angelo Refalo f’Għawdex, il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà fakkret il-25 anniversarju mill-iffirmar tal-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tat-tfal. Fil-preżenza ta’ għadd ta’ tfal Għawdxin, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fakkret kif din il-konvenzjoni hija tant importanti b’maġġoranza ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja li lkoll qablu u ftehmu li japprovaw bejniethom għadd ta’ drittijiet tat-tfal. Il-President qalet li l-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà qiegħda taħdem mhux biss biex tfakkar lit-tfal fid-drittijiet tagħhom, iżda wkoll li tippromwovi l-edukazzjoni ta’ dawn it-tfal li hija tant imporanti għat-tkabbir ħolisitku tagħhom.
 
Waqt din l-attività it-tfal Għawdxin ġew mistiedna biex jesprimu ruħhom permezz ta’ ħajt li ntrama apposta fil-Kulleġġ Sir Michael Angelo Refalo f’Għawdex, b’għadd ta’ tfal pinġew jew kitbu dak li xtaqu dwar it-titjib tad-drittijiet tagħhom. Attività simili saret nhar il-Ħamis li għadda fil-Palazz ta’ San Anton f’Malta, fejn ġie nnutat li kemm it-tfal f’Malta u anki dawk f’Għawdex wasslu messaġġi dwar il-bullying.
 
Għall-attività f’Għawdex attendiet il-Kummissarju tat-tfal is-Sinjura Helen D’Amato li tkellmet dwar il-bżonn li t-tfal ikunu jafu d-drittijiet tagħhom kif ukoll id-dmir li jirrispettaw lil tfal oħra u anki lill-adulti, bħalma huma l-ġenituri.
 
Biex tfakkar il-25 anniversarju ta’ din il-konvenzjoni importanti, il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà ppubblikat ktejjeb bl-Ingliż u bil-Malti dwar dawn id-drittijiet tat-tfal, biex it-tfal infushom ikunu mgħarrfa fuq id-drittijiet tagħhom.