Fil-Jum Dinji tal-Kanċer, Il-President ta’ Malta żżur lill-Pazjenti u lill-Istaff tal-Isptar Boffa

Hekk kif illum qed jitfakkar il-Jum Dinji tal-kanċer, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca żaret lill-pazjenti u l-familji tal-isptar Boffa, kif ukoll lill-istaff ta’ dan l-isptar. Wara li żaret lill-pazjenti, il-President ta’ Malta indirizzat lill-membri tal-istaff tal-isptar u filwaqt li rringrazzjathom għax-xogħol imprezzabbli li qed jagħmlu mal-pazjenti, appellat biex il-pazjenti u l-familji tagħhom ikunu fiċ-ċentru tal-kura li tingħata.
  
Il-President qalet li meta ltaqgħet mal-pazjenti u l-familji tagħhom fl-isptar Boffa, dawn ilkoll rreferew għall-istaff tal-isptar bħala ‘anġli’, u kien hawn fejn ħeġġet lill-istaff tal-isptar biex jibqgħu jkunu l-‘anġli’ tal-pazjenti Maltin u Għawdxin. Il-President qalet li meta lbieraħ irreferiet għall-istatistika ta’ kemm persuni Maltin qed jimirdu bil-kanċer, il-figuri huma għolja ħafna, ta’ madwar 2,000 persuna fis-sena. 
 
Il-President ta’ Malta appellat li hemm bżonn li nagħmlu ħilitna lkoll biex infejqu l-ħajja tal-pazjent imma nagħmlu sforz biex bl-istess kura intawluha kemm nistgħu. Il-President appellat biex il-membri tal-istaff tal-isptar jieħdu ħsieb tagħhom infushom, u li min jaħdem mal-pazjent ikollu servizz ta’ kura għal saħħtu, fosthom dik psikosoċjali. 
 
Fl-isptar Boffa, il-President ta’ Malta ġiet ippreżentata b’4 kotba ġodda li ħarġu mill-isptar Boffa biex il-pazjenti jkollhom iktar għarfien dwar it-trattamenti tad-diversi tipi ta’ kanċer.
 
Qabel ma żaret l-isptar Boffa, il-President ta’ Malta żaret l-isptar il-ġdid tal-onkoloġija, Sir Anthony Mamo, fejn ġiet imdawra mas-swali u mal-kmamar fejn se tkun qed tingħata kura out-patients, u dik ta’ in-patients. Waqt din iż-żjara kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne. Preżenti wkoll kien hemm iċ-Chief Operations Officer tal-Isptar tal-Onkoloġija, is-sinjura May Caruana.