Għall-ewwel darba, Malta parti mil-laqgħa tal-grupp Arraiolos fil-Ġermanja

Għall-ewwel darba, wara ħidma diplomatika li saret mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, Malta ġiet mistiedna biex tkun parti mil-laqgħa Arraiolos f’Wartburg fil-Ġermanja.  Il-President ta’ Malta ġiet mistiedna biex tkun parti minn din il-laqgħa għolja mill-President tal-Ġermanja Joachim Gauck wara li ġie deċiż li l-irwol ta’ Malta f’dan il-grupp huwa importanti minħabba l-importanza li għandha Malta fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Ir-relazzjoni bilterali bejn il-Ġermanja u Malta kompliet tissaħħaħ wara ż-żjara statali li kien għamel il-President Gauck f’Malta f’April li għadda u l-laqgħat li kellu mal-President Marie-Louise Coleiro Preca.

 

Il-grupp Arraiolos beda jiltaqa’ għall-ewwel darba fis-sena 2003 fil-belt ta’ Arraiolos fil-Portugall meta l-President Portugiż ta’ dak iż-żmien Jorge Sampaio kien stieden lill-Presidenti mhux eżekuttivi tal-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Polonja u l-Ungerija biex jiddiskutu t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea tas-sena 2004. 

 

Marie-Louise Coleiro Preca hija l-unika President mara f’dan il-grupp Arraiolos. Il-pajjiżi li qed jieħdu sehem f’din il-laqgħa għolja flimkien ma’ Malta huma l-Ġermanja, l-Awstrija, l-Italja, il-Portugall, l-Estonja, il-Bulgarija, il-Finlandja, is-Slovenja, il-Latvja u l-Polonja.

 

Il-grupp Arraiolos jiltaqa’ kull sena u din is-sena l-President tal-Ġermanja saħaq li l-mira ta’ din il-laqgħa bejn dawn il-ħdax-il President Ewropew hija li flimkien jiddiskutu l-isfidi li qed taffaċċja l-Ewropa llum, fosthom dik tal-ġustizzja soċjali u tal-edukazzjoni u x-xogħol għaż-żgħażagħ fl-Ewropa. 

 

F’Wartburg, il-President ta’ Malta kellha laqgħa bilaterali mal-President tal-Portugall Anibal Cavaco Silva, fejn iddiskutew diversi interessi bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.

 

Il-laqgħa tal-grupp Arraiolos se jkompli matul il-jum ta’ għada f’Erfurt il-Ġermanja.