L-E.T, Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, flimkien mas-Sur Jesmond Aquilina, is-Sindku ta’ Ħal Qormi, u is-Sur John Camilleri, Chairman tal-Bord ta’ l-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund Foundation, dalgħodu nedew kampanja li permezz tagħha ġiet inawgurata inizjattiva ġdida għal l-Istrina 2017.
Din l-inzijattiva ser tkun possibli bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali ta Ħal Qormi u l-Malta Parks, fejn ser jitħawlu siġar mill-benefatturi tal-Malta Community Chest Fund Foundation li ser jagħtu donazzjoni minn €500 ‘l fuq b’risq l-Istrina.
B’hekk, il-Malta Community Chest Fund Foundation, bl-għajnuna tal-Kunsilli Lokali ser tkun qed toħloq msaġar f’lokalitajiet differenti, u tkun qed taqdi l-missjoni proattiva tagħha, b’risq il-komunitajjiet Maltin.
Dawn l-imsaġar tas-Solidarjeta’ huma maħsuba biex jagħtu ħajr lill-benefatturi ta’ l-MCCFF, iżda fuq kollox, biex jikkontribwixxu lejn is-saħħa tal-membri tal-komunatijiet tagħna għax tiżdied l-arja nadifa.
Għalhekk, f’Wied is-Sewda, ġewwa Ħal Qormi tħawlet l-ewwel siġra indiġiena (Siġra tal-Luq) mill-President ta’ Malta. Il-President ħabbret li “għall-edizzjoni ta’ l-Istrina 2017, dawk l-individwi, familji jew entitajiet kummerċjali li ser jagħtu donazzjoni jew pledge ta’ €500 jew aktar, ser jiġu mistiedna iħawwlu siġra f’dawn l-imsaġar tas-Solidarjeta’. Il-benefatturi ser ikollhom l-opportunita’ li din l-istess siġra tingħatha isem skond ix-xewqa tagħhom.”
Il-President spjegat ukoll li, flimkien mal-Kunsilli Lokali, qed u ser jkunu qed jiġu identifikati aktar żoni madwar Malta u Għawdex, biex fil-gżejjer tagħna, permezz ta’ dawn l-imsaġar, inkomplu nkabbru wkoll l-għarfien b’risq is-sonstebbilita’ ta’ l-ambjent tagħna u saħħitna.
B’din l-inizjattiva, l-MCCFF u l-Kunsilli Lokali qed jagħtu s-sehem tagħhom lejn l-Agenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u l-Miri għall-Iżvilupp Sonstenibbli, partikolarment il-Mira Numru 15, li titratta dwar il-protezzjoni ta’ l-użu sostenibbli tal-ekosistemi u l-immaniġjar sonstenibbli tal-foresti.