Ġewwa l-Palazz fil-Belt Valletta, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca laqgħet lill-Korp Konsolari Onorarju, immexxi mis-Sur Godwin Bencini, Dekan tal-Korp u Konslu Onorarju tal-Islovakkja għall-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida.
Il-President Coleiro Preca tenniet li x-xogħol tal-konsli onorarji huwa importanti immens, “mhux biss għax qed tirrappreżentaw pajjiż li miegħu pajjiżna għandu relazzjoni, imma għaliex intom katalisti biex issaħħu dik ir-relazzjoni – relazzjoni mhux biss bejn l-awtoritajiet iżda wkoll relazzjoni bejn il-persuni.”
Hija qalet li aktar ma Malta tissaħħaħ ekonomikament u tikber fl-ekonomija tagħha, u allura aktar tfittex biex ikollha ħaddiema minn barra l-pajjiż biex jiġu jaħdmu f’pajjiżna, aktar ix-xogħol tagħhom isir importanti, għaliex jiġu mfittxija aktar, u aktar ikunu jridu jagħmlu ħilithom biex jassiguraw li titħares id-dinjità umana fil-bżonnijiet ta’ dawk li jiġu jiltaqgħu magħkom.
“F’dan il-kuntest”, tenniet il-President, “din is-sena hija aktar partikolari. Fl-10 ta’ Diċembru għalaqna is-sebgħin anniversajru minn meta ġiet fis-seħħ id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dikjarazzjoni li hija fost l-aktar dikjarazzjonijiet li d-dinja abbraċċat, u li suppost kellha toħodha bħala l-aspirazzjoni tagħha, biex dak li tgħid din id-dikjarazzjoni jsir realtà mill-pajjiżi, mill-awtoritajiet u mill-gvernijiet rispettivi.”
Hija żiedet li sfortunatament, ma nistgħux ngħidu li sebgħin sena wara, l-umanità qed tgawdi din id-dikjarazzjoni bis-sħiħ u li għadna naħsbu li d-drittijiet umani huma drittijiet li tista’ tagħżel minnhom.
“Id-drittijiet umani m’għandhomx fruntieri, m’għandhomx nazzjonalita u m’għandhomx wiċċ”
Il-President Coleiro Preca qalet li l-konsli onorarji qegħdin f’pożizzjoni strumentali biex iwettqu fil-prattika dawn id-drittijiet, għaliex quddiemhom jiġu nies kemm għal affarijiet proċedurali u anke b’każijiet umanitarji, u hemmhekk trid toħroġ il-vokazzjoni tagħhom favur id-drittijiet umani biex jagħmlu ħilithom ħalli jaraw li d-drittijiet ta’ dik il-persuna li jkun hemm quddiemhom ikunu ssalvagwardjati.
Il-President fakkret ukoll li f’Novembru li ġej se jiġi mfakkar it-tletin anniversarju mid-Dikjarazzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, strument legali importanti ieħor.
“Id-drittijiet umani jirregolaw ir-relazzjonijiet umani ta’ bejnietna, il-mod ta’ kif inħarsu lejn xulxin, il-mod ta’ kif naħdmu flimkien u l-mod ta’ kif nitrattaw lil xulxin”, qalet il-President, filwaqt li żiedet li meta wieħed iħares lejn il-konsli onorarji ma jridx iħares lejn l-aspett kummerċjali strettament. “Jien inħares lejn ħafna aktar importanza fir-rwol tagħkom, fejn intom tistgħu tkunu eżempju ħaj ta’ kif nassiguraw li nġibu fis-seħħ dawn l-istrumenti tant importanti man-nies li jiġu quddiemkom u jitolbu l-għajnuna tagħkom”, kompliet il-President.
Dwar il-kwistjoni tal-paċi, il-President Coleiro Preca qalet li qed ngħixu f’dinja fejn il-kwistjoni tal-paċi tkun dejjem fuq quddiem tad-diskussjonijiet tagħna, tul is-sena kollha.
Hija qalet li, “rridu mhux biss nitkellmu fuq il-paċi, iżda ngħinu biex niksbu l-paċi, u nibnu kultura ta’ paċi. Qatt ma nistgħu nieħdu il-paċi for granted, għaliex jekk fostna għandna nies li qed ibatu minn inugwaljanzi u inġustizzji, allura hemmhekk m’għandniex il-paċi kompluta”, u li jkollna tassew paċi, meta’ d-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minna tkun rispettata.