Il-President ta’ Malta laqgħet lill-ambaxxaturi u lill-konsli onorarji akkreditati għal Malta għall-iskambju tradizzjonali tal-awguri għas-sena l-ġdida fil-Palazz, il-Belt Valletta.
Rigward il-kriżi riċenti li involviet 49 persuna, fosthom sitt itfal li kienu abbord żewġ vapuri tal-għaqdiet mhux governattivi, il-President irrikonoxxiet l-intervent ta’ Malta minkejja li hi l-iżgħar pajjiż membru tal-UE u rringrazzjat lill-Kummissjoni Ewropea għall-isforzi tagħha biex iġġib flimkien it-tmien stati membri l-oħrajn li qablu li jgħinu fl-allokazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-persuni.
“Kif stajna aħna bħala pajjiżi Ewropej ta’ rieda tajba nippermettu li din it-tbatija psikoloġika, fiżika, u emozzjonali ta’ dawn il-persuni innoċenti ssir għal tant tul ta’ żmien?” staqsiet il-President Coleiro Preca filwaqt li fakkret li dawn it-tfal, nisa u rġiel vulnerabbli qed jaħarbu minn diversi sitwazzjonijiet ta’ diffikultà: mill-gwerer; mill-faqar estrem; mill-persekuzzjoni u mill-abbuż u mill-effetti ta’ degradazzjoni ambjentali.”
Il-President appellat lill-ambaxxaturi u lill-kummissarji għolja biex jenfasizzaw li d-dinjità umana, speċjalment id-dinjità ta’ dawk l-aktar vulnerabbli għandha tkun fiċ-ċentru ta’ ħidmietna u qalet li l-fenomenu tal-migrazzjoni irid jiġi ffaċċjat b’mod kollettiv bi qsim tar-responsabbiltajiet bejn l-istati membri tal-UE b’mod dinjituż li jirrispetta d-drittijiet umani fundamentali u mhux b’mod ad hoc.
Il-President Coleiro Preca ħeġġet lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex “iżommu l-ideali tas-solidarjetà u tar-rieda tajba li fuqhom kienet stabbilita l-Unjoni tagħna għexieren ta’ snin ilu,” u appellat lill-pajjiżi “biex l-impenn tagħna favur id-drittijiet universali tal-bniedem isir realtà.”
“Meta nitkellmu dwar l-importanza tal-paċi globali, jeħtieġ ukoll li niżguraw li nindirizzaw l-inugwaljanzi u l-inġustizzji billi nimplimentaw approċċ globali ta’ solidarjetà soċjali,” żiedet il-President.
“Id-diplomazija hi tassew essenzjali”
Il-President tenniet li l-isforzi tal-ambaxxaturi u tal-kummissarji għolja għandhom ikunu ffukati fuq il-bżonn tad-dinja għall-ugwaljanza u għas-solidarjetà u qalet li “d-dinja teħtieġ ħbiberiji li jkunu sostenibbli u alleanzi dejjiema biex tassew ikollna paċi u prosperità għal kulħadd.”
Dwar l-elezzjonijiet parlamentari Ewropej li ġejjin il-President qalet li dawn se joħolqu opportunità għall-Ewropej biex juru x’tip ta’ istituzzjonijiet nixtiequ li jkollna filwaqt li semmiet dak li kienet qalet fid-diskors ta’ Jum ir-Repubblika, meta tenniet li fid-dinja tal-lum qed naraw ir-riżultat ta’ dak li jiġri meta l-gvernijiet jabbandunaw il-kuntratt soċjali favur profitti eċċessivi.
“L-Ewropa soċjali qed issir aktar Ewropa ekonomika. Statistika tgħidilna li 1 minn kull 4 fl-Ewropa qed jgħix fil-faqar. Għalhekk din il-persuna tkun eskluża mill-identità soċjali li tant kienet tagħmel l-Ewropa kburija,” qalet il-President filwaqt li żiedet li hemm ħafna x’nagħmlu kemm fl-Ewropa kif ukoll f’pajjiżi oħrajn biex jinbnew soċjetajiet li fihom kull individwu jkun rispettat bis-sħiħ fid-dinjità tiegħu jew tagħha u fejn ikollu jew ikollha aċċess ekwu għal opportunitajiet biex jitrawwem il-well-being ekonomiku u soċjali tiegħu jew tagħha.