Lejlet il-Jum Dinji tal-Ktieb, il-President Marie-Louise Coleiro Preca żaret it-taqsima tal-YOURS fl-Imtaħleb u tat donazzjoni ta’ iktar minn mitejn u ħamsin ktieb lill-għoxrin priġunier żagħżugħ.
Wara li ltaqgħet u tkellmet mal-priġuniera, il-President Coleiro Preca qalet li meta kienet żaret it-taqsima tal-YOURS f’Raħal Ġdid sena ilu, kienet iddiżappuntata bin-nuqqas ta’ programmi ta’ rijabilitazzjoni għaż-żgħażagħ.
Madankollu qalet li llum dawn iż-żgħażagħ li sfortunatament żelqu tul ħajjithom, qed jingħataw l-għajnuna meħtieġa bil-għan li jintegraw b’mod sħiħ fis-soċjetà.
Hija fissret il-qari bħala mezz ta’ għarfien tat-tolleranza u r-rispett li għandu jkun hemm bejnietna bħala poplu magħqud.
Permezz ta’ din it-tolleranza, spjegat il-President Coleiro Preca, ikun hemm rispett lejn id-diversità li twassal għall-paċi fis-soċjetà Maltija.
Minbarra l-għotja tal-kotba, il-pubblikaturi tal-kotba Midsea Books, Miller, Sierra u Merlin Library taw dizzjunarju tal-Professur Guże Aquilina lil kull priġunier.