Il-Malta Community Chest Fund bl-ewwel servizz ta’ ‘outreach’ fil-qalba tal-komunità

It-Tnejn filgħaxija, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca attendiet għall-inawgurazzjoni uffiċjali ta’ Ċentru Enrichetta f’Birżebbuġa. Dan iċ-ċentru jopera f’forma ta’ Family Resource Centre u huwa mmexxi mill-Fondazzjoni St Jeanne Antide – għaqda mhux governattiva kommessa li tidentifika u tkun ta’ sapport b’mod olistiku għall-familji vulnerabbli f’livell komunitarju, flimkien mas-Sorijiet tal-Karità.

 

F’diskors qasir tal-okkażjoni, il-President ta’ Malta faħħret lill-Fondazzjoni St Jean Antide u lis-Sorijiet tal-Karità, tax-xogħol siewi li huma diġà jagħmlu fil-komunità, permezz ta’ Ċentru Antida f’Ħal Tarxien – xogħol li jagħmlu bil-valur tal-imħabba. Il-President qalet li bl-istess mod u bl-istess valuri, Ċentru Enrichetta ser ikun wieħed ta’ suċċess. Raddet ħajr għall-mod kif il-voluntiera tal-Fondazzjoni jagħżlu li jinżlu fil-komunitajiet biex isibu dawk il-familji li jkunu fil-bżonn minkejja li kultant mhux kulħadd ikun jaf bil-problemi tagħhom.

 

Waħda mix-xewqat li l-President kellha kienet proprju li l-Malta Community Chest Fund tibda toffri servizz ta’ outreach fil-qalba tal-komunità, u dan qed ikun possibbli grazzi għall-Fondazzjoni Jean Antide u s-Sorijiet tal-Karità li ngħaqdu flimkien mal-Malta Community Chest Fund biex dan is-servizz jiġi offrut.

 

“Sena u nofs ilu ħlomt li s-servizz ta’ The Malta Community Chest Fund ma jibqax wieħed ċentrali, imma jinżel fil-komunità – għaliex fil-qalba tal-komunità hemm id-diffikultà, il-gwaj, it-tbatija u hemm dak kollu li kull wieħed u waħda minna rridu nikkontribwixxu għalih”. Il-President qalet dan filwaqt li saħqet li tixtieq li jiġu offruti aktar servizzi ta’ outreach minn The Malta Community Chest Fund f’aktar komunitajiet u b’hekk ħeġġet lil għaqdiet oħrajn biex jersqu ‘l quddiem ħalli jsiru collaborating partners ta’ The Malta Community Chest Fund sabiex jiġu milħuqa aktar komunitajiet u aktar nies fil-bżonn.

 

Il-President temmet billi rringrazzjat lis-Sorijiet tal-Karità talli ġentilment offrew ir-residenza tas-sajf tagħhom biex Ċentru Enrichetta jkun jista jsir realtà.

 

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J Scicluna.

 

Is-servizzi ta’ The Malta Community Chest Fund jkunu disponibbli f’Ċentru Enrichetta kull nhar ta’ Tlieta bejn id-disgħa u l-ħdax ta’ filgħodu, għan-nies tal-komunità ta’ Birżebbuġa u ż-żoni tal-madwar.