Il-Malta Community Chest Fund qed tagħti appoġġ lill-Universita’ ta’ Malta fir-riċerka

 
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ħabbret li l-Malta Community Chest Fund qed tagħti appoġġ lit-Trust tar-Riċerka u Żvilupp fi ħdan l-Università ta’ Malta fir-riċerka li qed issir fuq diversi tipi ta’ mard. Il-President ta’ Malta qalet dan waqt diskors f’attività pubblika dwar ir-riċerka li qed issir mill-Universita fuq il-kanċer tas-sider.
 
Il-President spjegat kif b’dan il-mod hemm mira ambizzjuża biex jinbnew il-kapaċitajiet tar-riċerkaturi u tal-istudjużi tagħna, u  jiżviluppaw aktar soluzzjonijiet permezz ta’ riċerka.
 
“Huwa meħtieġ ukoll li niżviluppaw kapaċitajiet tal-poplu biex jesprimu l-ħsibijiet u l-bżonnijiet tagħhom.”
 
Fuq dan il-punt, il-President semmiet kif ir-rata tal-kanċer f’pajjiżna qiegħda dejjem tiżdied. Skont riċerka li saret fis-sena 2012 mill-European Agency of Research on Cancer, in-numru ta’ nisa li kellhom kanċer tas-sider f’Malta kien ta’ 314. 
 
Il-President spjegat kif l-Uffiċċju tal-President qed jagħti appoġġ sħiħ għar-riċerka fuq il-kanċer  minħabba li sfortunatament qed taffettwa ħażin lil tant ċittadini Maltin u Għawdxin u l-familji tagħhom. Il-President faħħret ix-xogħol li qed isir mit-Trust ta’ din l-Università, iżda appellat biex issir iktar riċerka fuq il-mard li qed jaffettwa ħażin lil tant Maltin u Għawdxin , biex tittaffa t-tbatija. 
 
Il-President irringrazzjat lir-riċerkaturi u x-xjentisti Maltin filwaqt li ħeġġithom biex ikomplu jaħdmu għall-ġid tas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.