Il-Malta Community Chest Fund tiftaħ l-Applikazzjonijiet tal-Fond Għall-Għaqdiet Volontarji

Fetħu l-applikazzjonijiet tal-ewwel sejħa tal-Fond għall-Ghaqdiet Volontarji.  B’kollox, din is-sena ġew ivvutati Ewro 900,000 għal dan il-Fond.  L-applikazzjonijiet għall-proġetti soċjali jagħlqu fil-5 ta’ filgħaxija tal-10 ta’ April.
 
L-applikazjoni u l-informazzjoni kollha marbuta magħha, bħal għanijiet u prijoritajiet tal-Fond, , kriterji tal-għażla u obbligi tal-għaqdiet volontarji,  jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-MCCF (http://www.wordpress-262414-816105.cloudwaysapps.com/mccf/Pages/default.aspx).
 
Illum saret l-ewwel laqgħa ta’ informazzjoni għall-għaqdiet interessati.  Laqgħat oħra se jsiru it-Tnejn, 2 ta’ Marzu, fil-5 ta’ filgħaxija, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, u l-Ġimgħa, 6 ta’ Marzu, fil-5 ta’ filgħaxija, fl-uffiċċju tal-MCCF, Victoria, Għawdex. 
 
F’konferenza tal-aħbarijiet qabel l-ewwel laqgħa, mal-għaqdiet volontarji nteressati li japplikaw il-President ta’ Malta l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-fond għall-għaqdiet volontarji għandu tlett għanijiet.  Dak li jgħin fit-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali billi jħeġġeġ ir-riflessjoni u l-azzjoni tal-volontarjat fil-qasam tas-solidarjeta’ u l-wens soċjali.  Qalet ukoll li l-fond qiegħed hemm biex iwieżen lill-volontarjat fil-ħidma b’risq in-nies vulnerabbli u li jkattar il-kooperazzjoni bejn l-għaqdiet volontarji b’risq dawk li l-aktar għandhom bżonn.
 
Il-President ta’ Malta spjegat kif il-Malta Community Chest Fund qed taħdem qatigħ b’risq in-nies, ħafna drabi dawk vulnerabbli.  Sostniet kif il-Malta Community Chest Fund retta ħafna fit-trasparenza u l-kontabilita’ f’għemilha, u dan għaliex flus li jagħti l-poplu jeħtieġ li jkunu kontabbli. Il-President tkellmet fuq il-bżonn ta’ tiġdid tal-Malta Community Chest Fund, biex b’dan il-mod meta titwaqqaf  bħala Fond ikollha personalita’ legali, u tista’ tifrex iktar ħidmietha.