“Il-preġudizzji u t-timbri m’għadhomx lokhom” – Il-messaġġ tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u l-Ministru Carmelo Abela waqt dramm tal-passjoni imtella mill-FKK

Xhieda huwa dramm mtella’ mir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, miktub fl-isfond tal-ġrajja tal-Passjoni u b’riflessjonijiet fuq sitwazzjonijiet kurrenti.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mas-Sur Edgar Preca u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela, attendew għall-ewwel wirja. 

Fl-indirizz tagħha, il-President aċċennat kif il-preġudizzji u t-timbri la qatt kien u żgur m’għadux lokhom.

Il-Ministru Abela qal li mhux biżżejjed li l-Faċilità taħdem fuq pjani ta’ riforma fl-imġieba jekk wara li jiskontaw is-sentenza tagħhom ir-residenti tal-Faċilità ma jiġux aċċettati lura mis-soċjetà.

Semma’ li, għaldaqstant, il-Faċilità se tibqa’ taħdem fuq miżuri li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tar-residenti mill-Faċilità għal ġewwa s-soċjetà.

Waqt ir-rakkont ta’ dan id-dramm, messaġġi li spikkaw kienu dawk li jduru mat-temi tal-għażliet ħżiena, it-tradiment, il-ħtija, l-istigma u l-maħfra. 

“L-ispirtu jrid imma l-ġisem dgħajjef” kienet waħda mill-frażijiet li ngħatat aċċenn, b’rakkonti li jissimbolizzaw attentati ta’ disprament waqt il-ġlieda interna għall-bidla fl-attitudni. 

Ingħatat ukoll attenzjoni partikolari lit-tbatija li l-ġenituri u l-qraba tar-residenti jgħaddu minnha matul il-proċess.

L-appell mir-residenti kien wieħed biex il-persuni jkunu xhieda tal-imħabba lejn xulxin flok tal-kundanna għall-oħrajn.

F’dan id-dramm qed jieħdu sehem madwar 35 resident; id-dramm kien organizzat mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl taħt it-tmexxija tad-Direttur George Busuttil.

Il-preżentazzjonijiet tiegħu għall-pubbliku ser ikunu bejn id-19 u s-26 ta’ Marzu.