Waqt żjara fl-Ingilterra, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca indirizzat lill-membri tal-Oxford Union fejn tkellmet dwar l-importanza tad-drittijiet umani anke fid-dawl li s-sena l-oħra tfakkar is-70 anniversarju mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-President tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-għaqda, tad-dinjità umana u tar-rispett.
“Jeħtieġ li nkunu magħqudin biex flimkien nindirizzaw l-inugwaljanzi u biex nassiguraw li d-dinjità umana tkun tassew ċentrali għal kull persuna, huma minn huma, huma minn fejn huma,” tenniet il-President.
Il-President Coleiro Preca ħadet sehem ukoll f’sessjoni ta’ Q&A fejn il-membri kellhom l-opportunità jistaqsu mistoqsijiet dwar diversi temi kurrenti.
F’Oxford il-President iltaqgħet ukoll mar-rappreżentanti tal-Maltese Culture Centre. Il-President, li kienet akkumpanjata mill-Kummissarju Għoli għal Malta fl-Ingilterra Joseph Cole, irringrazzjathom tal-ħidma kontinwa tagħhom biex ikomplu jsaħħu r-relazzjonijiet kulturali u ekonomiċi bejn Malta u r-Renju Unit.
Il-President żaret ukoll l-isptar tat-tfal f’Birmingham u l-isptar fi ħdan l-Università ta’ Leicester. Il-President irringrazzjat lid-diriġenti tal-isptar tat-tfal ta’ Birmingham li jinkludu wkoll persuni Maltin, għad-dedikazzjoni tagħhom fil-konfront tal-pazjenti li jinkludu tfal Maltin u Għawdxin li jiġu megħjuna mill-Malta Community Chest Fund Foundation. Fl-isptar tal-Università ta’ Leicester, il-President Coleiro Preca ltaqgħet ma’ grupp ta’ tobba Maltin li permezz ta’ programm ta’ kollaborazzjoni jinsabu f’dan l-isptar biex ikomplu t-taħriġ speċjalizzat tagħhom fosthom fl-oftalmoloġija, il-kirurġija plastika u f’mard trażmess sesswalment.
Il-President kellha l-opportunità li żżur Leicester Grammar School. Hawnhekk, il-President Coleiro Preca ltaqgħet mal-kunsill tal-istudenti tal-iskola primarja u ħadet sehem f’diskussjoni mal-istudenti tal-politika tas-sixth form tal-istess skola, filwaqt li żaret ukoll il-faċilitajiet estensivi ta’ din l-iskola.