Il-President Coleiro Preca tibda bl-impenji tagħha waqt żjara uffiċjali fl-Ingilterra

Il-President Coleiro Preca tibda bl-impenji tagħha waqt żjara uffiċjali fl-Ingilterra

 

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca bdiet bl-impenji uffiċjali tagħha waqt żjara fl-Ingilterra, fejn se żżur numru ta’ sptarijiet li jilqgħu bosta pazjenti Maltin u Għawdxin għal diversi trattamenti.

 

Dalgħodu l-President Coleiro Preca żaret Great Ormond Street Hospital u The National Hospital for Neurology and Neurosurgery. Il-President ingħatat rendikont tal-operat waqt il-laqgħat li kellha ma’ rappreżentanti tal-management tal-isptarijiet, u matulhom irringrazzjat lill-ħaddiema tal-isptarijiet għad-dedikazzjoni u għall-attenzjoni li jagħtu lill-pazjenti Maltin li jużaw is-servizzi tal-isptarijiet fl-Ingilterra. Il-President ta’ Malta esprimiet sodisfazzjon għall-preżenza tal-ispeċjalisti, it-tobba u l-professjonisti mediċi Maltin u Għawdxin ibbażati fl-isptarijiet Ingliżi, u rringrazzjathom talli qegħdin ikomplu jagħtu viżibilità lil Malta.

 

Fid-dawl ta’ dan, il-President Marie-Louise Coleiro Preca ppreżentat donazzjoni f’isem il-Malta Community Chest Fund Foundation, biex tintuża għar-riċerki varji li jsiru mill-isptarijiet għall-ġid tal-pazjenti. Il-President qalet li din hija parti mill-approċċ ħolistiku li l-Malta Community Chest Fund Foundation qed tadotta anke f’Malta, billi tinvesti fir-riċerka u tidħol fi sħubija ma’ entitajiet ta’ riċerka f’Malta, fosthom ir-Research, Innovation and Development Trust, fi ħdan l-Università ta’ Malta.