Il-President iżżur l-Istitut għall-Istudji Turistiċi

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, żaret l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, fejn kienet milqugħa fost l-oħrajn mill-Ministru għat-Turiżmu. Il-President Coleiro Preca u l-Ministru Zammit Lewis żaru t-tħejjijiet u l-preparamenti ta’ ħelu tradizzjonali ta’ żmien il-Għid.

Din l-attitività hija mmirata għall-Malta Community Chest Fund Foundation, u hija organizzata mill-istudenti u l-impjegati li jiffurmaw parti mill-programm Responsabbiltà Soċjali Korporattiva fi ħdan il-Kumitat t’Attivitajiet Soċjali fl-ITS.

Il-President irringrazzjat lill-Istitut għall-Istudji Turistiċi, lill-għalliema u lill-istudenti ta’ din l-inizjattiva, b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation, filwaqt li rringrazzjat lill-istess Istitut, talli qiegħed irawwem il-valuri tas-solidarjetà fost l-istudenti, flimkien ma’ kultura ta’ paċi pożittiva.

“Permezz ta’ din l-inizjattiva qed nagħtu eżempju ċar ta’ kif entitajiet differenti jistgħu jaħdmu flimkien biex jgħinu lil persuni fil-bżonn biex b’hekk nkunu ta’ spalla għal min hu fil-bżonn,” qalet il-President.

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis faħħar lill-istudenti u l-impjegati tal-ITS għall-inizjattiva ta’ ġenerożità li b’ħidma kollettiva twassal għal turija ta’ rispett u għaqda lejn is-soċjetà. Huwa żied jgħid li permezz ta’ dawn is-sensiela ta’ avvenimenti ppjanati mill-Kumitat t’Attivitajiet Soċjali, fl-ITS ninkoraġixxu kontribuzzjoni lejn ħaddieħor bl-għan ewlieni li nagħtu għajnuna xierqa lill-organizzazzjonijiet bħal Malta Community Chest Fund Foundation.

Il-Ministru għat-Turiżmu radd ħajr lill-istudenti u l-impjegati tal-ITS u tenna li dan hu proċess li ndaħħlu aktar kuxjenza soċjali fost il-popolazzjoni żagħżugħa tagħna.

Il-figolli ser ikunu għal bejgħ nhar is-Sibt 8 ta’ April mill-Pjazza l-Assedju l-Kbir, quddiem il-bini tal-Qorti. Il-flus miġbura ħa jmorru b’risq għal Malta Community Chest Fund Foundation.